IMNIEDI KTIEB ĠDID FL-AWSTRALJA TAL-PROFESSUR MAURICE CAUCHI BL-ISEM: ‘UNDER ONE UMBRELLA: A HISTORY OF THE MALTESE COMMUNITY COUNCIL OF VICTORIA, 1958-2008’
Il-Kunsill Malti għal Victoria ċċelebra il-50 anniversarju mit-twaqqif tiegħu fl-1958 u għalhekk kien xieraq li dan l-anniversarju jiġi ċċelebrat permezz ta’ ktieb ġdid miktub mill-Professur Maurice Cauchi, dwar l-istorja ta’ din l-organizzazzjoni. Nhar it-Tlieta 23 ta’ Frar, madwar mitejn ruħ attendew fiċ-Ċentru Malti f’Parkville fejn il-ktieb ‘Under One Umbrella: A History of the Maltese Community Council of Victoria, 1958-2008’ ġie mniedi mill-Prim Ministru tal-Victoria, l-Onor. John Brumby. Preżenti wkoll kien hemm is-Sur Francis Tabone, Kummissarju Għoli u s-Sur Charles Mifsud, Konslu Ġenerali għal Victoria.
Dan il-ktieb huwa studju mill-aktar komplet fuq dak kollu li kellha tiffaċċja l-komunita’ Maltija f’Victoria f’dawn l-aħħar ħamsin sena. Il-ktieb jibda billi jsemmi it-tentattivi biex jiġi organizzat l-ewwel Kunsill u jitkellem b’ċertu dettal fuq ix-xogħol tal-Kunsill matul is-snin.
Il-bini taċ-Ċentru Malti f’Parkville kien proġett kbir li issa sar ċentru ta’ attivita’ għall-Maltin ta’ Victoria. L-għajnuna soċjali minn dejjem kienet attivita’ ewlenija tal-Kunsill li dejjem jaħdem biex iġib għajnuna finanzjarja mill-Gvern biex ikun jista’ jżomm impjegati f’dan il-qasam.
Il-ktieb isemmi wkoll ix-xogħol tal-Kunsill biex iżomm il-kultura u l-lingwa Maltija. Wieħed isemmi t-twaqqif tal-ikbar librerija ta’ ‘Melitensia’ barra minn Malta, iċ-ċelebrazzjoni tal-festi nazzjonali u t-tagħlim tal-Malti fil-bini tal-Kunsill, kif ukoll għadd ta’ attivitajiet oħra.
Fil-ktieb hemm ukoll diskussjoni twila fuq aspetti li jolqtu lill-Maltin direttament, fosthom il-ħidma tal-Kunsill biex jiżgura ġustizzja soċjali permezz tal-portabilita’ tal-pensjonijiet u l-ftehim reċiproku dwar is-saħħa.
Fi kliem il-Prim Ministru ta’ Victoria, dan il-ktieb “jagħti stampa unika tal-komunita’ Maltija li kkontribwiet ħafna f’dan l-Istat. Huwa xogħol uniku u mportanti.”
Dan il-ktieb huwa interessanti mhux biss għall-Maltin ta’ Victoria, imma wkoll għal kull min huwa interessat fl-emigrazzjoni fi stati oħra fl-Awstralja kif ukoll f’Malta u f’pajjiżi oħra fejn emigraw il-Maltin. Dan il-ktieb jista’ jiġi akkwistat mic-Ċentru Malti 477 Royal Parade, Parkville, Victoria 3052 [Tel: 03 93878922].
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990