STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT, B’REAZZJONI GĦALL-ISTQARRIJA TAD-DEPUTAT LABURISTA CHARLES MANGION, KELLIEM EWLIENI GĦALL-FINANZI
Politika finanzjarja u ekonomika għaqlija li poġġiet lil Malta fuq sisien aktar sodi
L-istqarrija tal-Oppożizzjoni tikkonferma d-distakk tagħha mir-realtà għaliex qed tonqos milli tapprezza kunċett elementari, jiġifieri li t-tariffi tad-dawl u l-ilma jiddependu fuq il-prezz taż-żejt, li huwa kollu impurtat minn barra, u ż-żieda fuq il-prezz taż-żejt għandha impatt fuq id-defiċit.
Għal darb’oħra, l-Oppożizzjoni qed tkun ukoll inkonsistenti. Timplika li l-Gvern missu jibqa’ jissusidja d-dawl u l-ilma iżda fl-istess ħin tikkritika ż-żieda fid-defiċit. Il-Gvern se jkun qed jgħin lill-familji u l-intrapriżi Maltin u Għawdxin jilqgħu għall-impatt tal-prezz internazzjonali taż-żejt.. Il-Gvern minn din is-sena se jkun qiegħed jgħin 97% tal-familji minħabba l-effett taż-żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt – b’hekk 97% se jirċievu ċekk jew energy benefit vouchers. Dan barra li qed jingħata eco reduction, bi skont fil-kont tad-dawl għal min juża l-enerġija b’għaqal.
Minkejja dan, il-Gvern xorta ħadem biex iżomm is-sostenibbiltà tal-finanzi tal-pajjiż. Filwaqt li d-defiċits f’bosta pajjiżi oħra madwarna splodew, dak ta’ Malta baqa’ taħt kontroll. Dawn id-differenzi fid-defiċits seħħew b’riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, it-tnaqqis mid-dħul mit-taxxi u l-interventi diretti li Gvernijiet Ewropej kellhom jagħmlu biex jixprunaw l-ekonomija. Ta’ min ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea faħħret lill-pajjiżna bħala wieħed mill-aktar pajjiżi li investa fil-ħidma ta’ rkupru ekonomiku. Minkejja dan, pajjiżna għandu wieħed mill-aktar defiċits baxxi u qrib ir-rata mitluba mill-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, proprju ftit tal-jiem ilu l-Unjoni Ewropea estendiet b’sena ż-żmien li għandha Malta biex tilħaq il-miri mitluba minnha għaliex ikkonkludiet li d-differenzi kienu dovuti għall-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u għall-investiment addizzjonali li għamel il-Gvern f’dan is-sens.
Ir-responsabbiltà u l-għaqal tal-Gvern fit-tħaddim tal-politika finanzjarja u ekonomika ta’ pajjiżna wasslu biex filwaqt li l-finanzi ta’ pajjiżi oħra jinsabu f’xifer irdum, il-qagħda finanzjarja tagħna ppermettitilna nkunu aktar flessibbli biex pajjiżna seta’ jiflaħ ma jintroduċix taxxi ġodda u ma ġew iffriżati ebda pagi kif għamlu numru ta’ pajjiżi oħra. F’Malta mhux talli ma tnaqqsux il-benefiċċji soċjali u l-investiment fuq l-edukazzjoni kif ġara f’pajjiżi oħra, talli l-investimenti f’dawn is-setturi kompla aktar mis-sena ta’ qabel.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990