Left arrow Mur Lura

16-IL REBBIEĦ FIT-TOURISM STAR AWARDS IMTELLA’ MILL-MTA

PR0328
Date Icon 25/02/2010

Matul il-ħames edizzjoni tat-Tourism STAR Awards tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA), li saret fl-24 ta’ Frar fil-lukanda Phoenicia, 14-il ħaddiem u  ħaddiema fis-settur turistiku ġew premjati għas-servizz eċċellenti li joffru, filwaqt li żewġ premjijiet oħra ngħataw għall-Aħjar Attrazzjoni Turistika u l-Ħaddiem tas-Sena fil-Lukandi. 

Is-Segretarju Parlamentari għat-Turizmu, l-Ambjent u l-Kultura, l-Onor.  Mario de Marco, f’diskors tal-okkażjoni enfasizza li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-industrija hija l-qofol biex inkomplu ntejbu l-kwalità fis-settur turistiku, sabiex l-esperjenza tat-turist tkompli tikkompeti ma’ dik ta’ pajjizi oħrajn. Hu qal li l-ospitalità Maltija għadha fattur importanti fil-mod kif pajjiżna jinbiegħ bħala destinazzjoni turistika u rrefera għall-fatt li l-MTA rċeviet aktar minn 11,000 nomina għal dan il-premju. Dr de Marco semma l-impenn tal-Gvern sabiex jkompli jsaħħaħ l-industrija tat-turiżmu, b’investiment dejjem jikber f’dawk li huma rotot ġodda lejn pajjiżna, żieda fir-reklamar u l-marketing, u kif ukoll fin-numru ta’ proġetti  b’fondi tal-U.E. sabiex inkomplu ntejbu l-prodott. Hu temm billi qal li l-infrastruttura weħidha mhijiex biżżejjed sabiex ikollna industrija tat-turiżmu b’saħħitha, u rringrazzja lil dawk kollha nnominati għall-kontribuzzjoni indispensabbli tagħhom għas-settur.

Fil-bidu taċ-ċerimonja l-Kap Eżekuttiv tal-MTA, is-Sur Josef Formosa Gauci, irringrazzja l-finalisti kollha talli huma tassew ambaxxaturi ta’ Malta u qal, “Huwa ta’ unur kbir għalina bħala Awtorità li sena wara sena nirrikonoxxu lil dawk in-nies u postijiet turistiċi li bl-impenn tagħhom u bis-servizz ta’ kwalità li joffru, it-turisti li jżuru lil Malta jkollhom esperjenza pożittiva f’pajjiżna.”

Ir-rebbieħa tal-premjijiet STAR fil-kategoriji għas-servizz jintgħażlu purament fuq il-bażi tan-numru ta’ nomini li jsiru mit-turisti. Matul l-2009 ntbagħtu iktar minn 11,000 nomina, jiġifieri żieda ta’ kważi 50% fuq is-sena ta’ qabel. Mijiet ta’ nies differenti ġew nominati u, minn dawn, l-ewwel tlieta f’kull kategorija ikkwalifikaw bħala finalisti. Ir-rebbieħa ngħataw ċertifikat, lapel pin tad-deheb ta’ 18-il karat u premju ta’ €800 fi flus kull wieħed, filwaqt li l-finalisti l-oħra ngħataw ċertifikat u premju ta’ €150 fi flus kull wieħed.  

Ir-rebbieħa tal-premji STAR fil-kategoriji tas-servizz għall-2009 huma:

  • Charles Abela – Head waiter fil-lukanda Victoria;
  • Francis Apap – Sewwieq tat-taksi;
  • Matthew Balzan – Historical re-enactor fis-Saluting Battery;
  • Edward Caruana – Gwida turistika;
  • Darren Cutajar – Car park attendant;
  • David Debattista – Kuċċier;
  • Neal Debono – Maniġer tar-restorant Ix-Xlukkajr;
  • Paul Farrugia – Xufier tal-karozza tal-linja;
  • Anthony Fenech – Sewwieq tal-kowċ ma’ Ventura Coaches, KoptaCo;
  • Martin Hall – Għalliema ta’ l-għadds ma’ Paradise Diving;
  • Chandru Mohnani – Sid tal-ħanut Novelty Textiles;
  • Frederic Pourrut – Rappreżentant ta’ l-ivjaġġar ma’ Voyage Fram;
  • Sonia Theuma – Receptionist fil-ħostel Maria Giovanna; u
  • Andrew Whibley – Baħri ma’ A & S Water Taxis.

Bħala inċentiv għat-turisti biex jagħtu sehemhom f’din l-iskema, hemm premju ta’ żewġ biljetti ta’ l-ajru mogħtija mill-Air Malta u l-akkomodazzjoni għal ġimgħa f’Malta jew Għawdex għal żewġ persuni. Dan il-premju ntrebaħ minn raġel mill-Belġju li kien żar Malta f’Settembru li għadda. 

L-iskema STAR tkopri wkoll il-kamp ta’ prodotti ta’ kwalità mibjugħin fi ħdan is-settur turistiku. Fl-aħħar sentejn l-MTA tat premju għall-aħjar mużew, sit storiku jew post ta’ interess. Il-post rebbieħ jintgħażel minn grupp ta’ esperti magħmul minn rappreżentanti ta’ tliet entitajiet differenti u fuq bażi ta’ kriterji maħruġa mill-MTA. Il-post rebbieħ għal 2009 kien The Limestone Heirtage, is-Siġġiewi, u l-premju kien jikkonsisti f’ċertifikat, trofew tal-ħġieġ forma ta’ stilla u premju ta’ €800 fi flus. Il-finalisti l-oħra rċevew ċertifikat u premju ta’ €150 fi flus. 

Kategorija oħra tal-iskema STAR hija dik popolari tal-Ħaddiem tas-Sena fil-Lukandi, li fl-2009 kienet organizzata għat-tieni sena konsekuttiva. Permezz ta’ dan il-premju prestiġġjuz, persuni li jaħdmu fil-lukandi ġew nominati mill-kollegi tagħhom stess, inkluż il-manager tal-lukanda, għaliex huma meqjusa ħaddiema eżemplari fuq il-post tax-xogħol. Ir-rebbieħ ta’ dan il-premju jintgħażel minn kumitat apposta li huwa magħmul minn rappreżentanti ta’ ħames entitajiet differenti. Il-Ħaddiem tas-Sena fil-Lukandi għall-2009 huwa Stuart Psaila mil-lukanda Hilton Malta li rebaħ ċertifikat, lapel pin tad-deheb ta’ 18-il karat u premju ta’ €800 fi flus. It-tieni u t-tielet klassifikat ingħataw ċertifikat u premju ta’ €150 fi flus kull wieħed, filwaqt li l-finalisti l-oħra kollha rċevew ċertifikat. 

Nomini għall-premju Ħaddiem tas-Sena fil-Lukandi 2010 jinfetħu aktar tard din is-sena. L-edizzjoni 2010 tal-kategoriji għas-servizz bdiet fl-ewwel ta’ Jannar u tagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2010. Il-formoli apposta jistgħu jinkisbu mit-Tourist Information Centres kollha u jinsabu wkoll f’diversi lukandi, ristoranti, attrazzjonijiet turistiċi u skejjel tal-għadds fost ħafna oħrajn. Ir-rebbieħa STAR tal-2008 u l-2009 ma jkunux eliġibbli għall-edizzjoni ta’ l-2010. 

Għal aktar informazzjoni ċemplu lill-Quality & HR Development Unit fi ħdan l-MTA fuq 2291 5273 jew ibagħtu imejl lil starscheme@visitmalta.com jew żuru s-sit elettroniku www.visitmalta.com/star-awards. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow