DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’ WAQT IT-TWAQQIF TAL-GHAQDA: ‘MALTESE OPERATING THEATRE NURSES ASSOCIATION’ (M.O.T.N.A) - QAWRA - 24 TA’ FRAR 2010
Insellmilkom,
Huwa pjaċir kbir tiegħi li llum ninsab magħkom sabiex niċċelebraw it-twelid tal-Maltese Operating Theatre Nurses Association (M.O.T.N.A).
Tul is-sena 2009 saru ftit inqas minn 39,000 operazzjoni jew intervent kirurġiku, jiġifieri żieda ta’ kważi 6,000 fuq in-numru ta’ operazzjonijiet li kienu jsiru fl-Isptar San Luqa. Dan sar grazzi għax-xogħol siewi li sar minn dawk kollha li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei, fosthom intkom in-nurses li xogħolkom huwa direttament fl-operating theatres.
Il-Gvern hu impenjat li s-sena d-dieħla in-numru ta’ operazzjonijiet ikompli jikber biex jitnaqqsu iżjed il-listi ta’ stennija u nkomplu nagħtu servizz ta’ l-ogħla kwalita’ lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.
Nisimgħu ħafna tgergir fuq l-Isptar. Nammetti li hemm il-problemi u li rridu nsibu soluzzjonijiet mill-aktar fis possibli. Imma dan irridu nagħmluh FLIMKIEN għaliex is-Saħħa huwa servizz ta’ SOLIDARJETA’ ma’ min hu batut.
Naf li meta tisimgħu l-kritika, tistgħu taqtgħu qalbkom. Naf li bħali, tiddejqu meta jkun hemm min idaħħal il-politika fi kwistjonijiet ta’ saħħa. Taqtgħux qalbkom, xogħolkom huwa apprezzat. Il-miri ambizzjużi li għandna għall-futur nistgħu nagħmluhom biss għax fi ħdan l-Isptar Mater Dei, hemm ħaddiema bħalkom. Ħaddiema ta’ kwalita’ li jafu xogħolhom sew imma fuq kollox b’vokazzjoni, b’dedikazzjoni u b’qalb.
Minn qalbi ngħidilkom GRAZZI.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990