STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jirreferi għal rapport li deher fil-ġurnal Malta Today għar-rigward tal-kundizzjonijiet f’ Diviżjoni 6 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin (FKK) fejn il-bieraħ kien hemm persuna li sfortunatament neħħiet ħajjitha, u li dwarha nfetħet inkjesta maġisterjali.
Il-Ministeru b’dispjaċir jinnota li din l-aħbar traġika qed tingħata laqta ta’ ġurnaliżmu sensazzjonali u b’mod konfuż qed jiġi mplikat li dak li seħħ ġara minħabba l-allegazzjoni li l-kundizzjonijiet li jinżammu fihom il-priġunieri ta’ Diviżjoni 6 huma ħżiena.
Ir-rapport tal-Kumitat tal-Prevenzjoni tat-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa, li jissemma fl-artikolu, kien sar mhux il-bieraħ, iżda aktar minn ħames snin ilu. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, Diviżjoni 6 nbidlet kompletament. Il-kundizzjonijiet tal-priġunieri f’Diviżjoni 6 illum huma simili għal dawk li wieħed isib fid-diviżjonijiet l-oħra tal-Faċilità – bl-istess indafa, ventilazzjoni u faċilitajiet ta’ eżerċizzju għall-priġunieri. Il-priġunieri f’din id-Diviżjoni għandhom ukoll l-istess kundizzjonijiet li għandhom priġunieri l-oħra fil-Facilita’ Korrettiva ta’ Kordin.
Għar-rigward ta’ dak li ġara lill-priġunier in kwistjoni, kif ingħad infetħet inkjesta Maġisterjali u għalhekk kif inhuwa prudenti u kif jixraq ir-rispett lejn dan l-persuna l-Ministeru ser jistenna li tintemm din l-inkjesta sabiex jieħu att ta’ dak li joħroġ mill-konklużjonijiet tagħha.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990