XOGĦOL TA’ TISBIĦ FIL-GOZO STADIUM
L-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta’ Għawdex (GFA), bħalissa tinsab għaddejja bl-aħħar ħidma f’xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni fil-Gozo Stadium. Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono dalgħodu żaret il-grawnd waqt li kienu qed isiru x-xogħlijiet, b’investiment ta’ madwar €340,000.
Minbarra xogħol ta’ manutenzjoni ġenerali, nbnew erba’ dressing rooms, żewġ kmamar għall-użu tar-referees, faċilitajiet sanitarji ġodda u bdil ta’ oħrajn qodma, bini ta’ garaxx taħt il-grawnd biex ikun jista’ jintrefa’ makkinarju u vetturi proprjetà ta’ l-assoċjazzjoni, kif ukoll uffiċini mgħammra b’apparat teknoloġiku modern.
Il-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jiffinanzja l-ispejjeż relatati ma’ parti mill-bini u t-tagħmir ta’ dawn il-kwartieri, li ser ikunu amministrati b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Malta Football Association b’risq il-kamp sportiv Għawdxi.
Inbnew ukoll żewġ stands li jakkomodaw 800 persuna. Ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa jinkludu pavimentar u tqegħid ta’ madum. Dawn ix-xogħlijiet qed ikomplu jtejbu l-faċilitajiet fil-Gozo Stadium, wara li permezz ta’ proġett li sar fl-2007, kienu ġew stallati floodlights li wasslu biex il-logħob tal-futbol f’Għawdex seta’ jibda’ jsir ukoll wara nżul ix-xemx.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono qalet li permezz ta' dan it-titjib u l-faċilitajiet ġodda, il-Gozo Stadium ser ikun mgħammar aħjar biex jospita l-Viva World Cup li ser tkun qed issir f'Għawdex f'Mejju li ġej. Hija spjegat kif il-logħob għal din it-tazza prestiġjuża ser ikun qed jintlagħab bejn tmien timijiet ta' l-irġiel u erba' tan-nisa li ġejjin minn diversi reġjuni tad-dinja u għalhekk dan il-logħob ser ikollu wkoll effett pubbliċitarju għal Għawdex bħala destinazzjoni turistika.
Il-Ministru Debono qalet li l-proġett ta' bini ta' pixxina ħdejn il-kumpless sportiv ta' Għawdex ukoll huwa maħsub biex itejjeb il-faċilitajiet sportivi biex b'hekk jiġu mtejba l-faċilitajiet sportivi f'Għawdex għal benefiċċju tal-poplu Għawdxi, iżda fl-istess waqt ikunu wkoll ta' benefiċċju biex itejbu l-prodott turistiku Għawdxi speċjalment f'niċeċ partikolari.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990