SERATA GĦALL-ĠENITURI FL-ISTITUT GĦALL-ISTUDJI TURISTIĊI
Fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi ġdid ġewwa Għawdex ġiet organizzata l-ewwel Parents Information Evening. Għal din l-attività attendew għadd inkoraġġanti ta’ ġenituri li uliedhom qed isegwu korsijiet full-time ġewwa dan l-istitut li jinsab fil-Qala. Huma kellhom il-possibiltà li jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ l-iskola fejn qegħdin jitħarrġu uliedhom, filwaqt li jsiru jafu iżjed dwar il-korsijiet li għaddejjin bħalissa. Barra minn hekk ingħatat ukoll informazzjoni dwar korsijiet oħra li uliedhom jistgħu ikomplu hekk kif jispiċċaw il-kors ta’ sentejn ġewwa l-Istitut f’Għawdex. Saret ukoll preżentazzjoni minn uffiċjal ta’ l-ETC dwar sponsorships li jistgħu jingħataw dawk l-istudenti li jagħżlu li jkomplu bl-istudji tagħhom.
Għal din l-okkażjoni l-istudenti ppreparaw ikel u xorb waqt riċeviment żgħir li permezz tiegħu setgħu wkoll juru l-kompetenzi li rnexxielhom jiksbu permezz ta’ l-istudji u l-prattika tagħhom. Fil-fatt l-istitut joffri faċilitajiet moderni li jippermettu hands-on training kemm permezz ta’ units individwali waqt il-preparazzjoni ta’ l-ikel, kif ukoll permezz ta’ faċilitajiet oħra bħal laboratorju tal-kompjuter, ristorant u training hotel.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono attendiet għal din l-attività u ltaqgħet mal-ġenituri u studenti li kienu preżenti. Hija ġiet imdawra wkoll ma’ l-iskola u uriet l-apprezzament tagħha għal mod pożittiv ta’ kif intlaqgħu l-faċilitajiet f’dan l-istitut, kemm mill-istudenti, kif ukoll minn naħa tal-ġenituri. Hija faħħret l-impenn ta’ l-għalliema li qed ikun effettiv biex jintlaħaq l-għan li għalih inbena dan l-istitut. L-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Għawdex kien inawgurat f’Mejju 2009 u inbena permezz ta’ ko-finanzjament ta’ aktar minn €1.8 miljun, bil-għan li r-riżorsi umani jitħarreġu f’karrieri fil-qasam turistiku u b’hekk jissarraf f’ġid bit-titjib tas-servizzi turistiċi fil-gżira ta’ Għawdex.
Bħalissa f’dan l-istitut qed jattendu 30 student għal korsijiet full time u 32 student għal korsijiet part time. Matul din is-sena, dan l-istitut, li jinkorpora wkoll training hotel, offra akkomodazzjoni lil 35 persuna. Din is-sena wkoll, promotur ewlieni ta’ studji turistiċi, ippreżenta trofew speċjali lill-iskola, għall-istandards milħuqa mill-istudenti ta’ l-istitut.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990