SFORZ KOLLETTIV MILL-KOMUNITA’ KUMMERĊJALI FLIMKIEN MAL-KUNSILLI LOKALI FIL-ĠBIR TA’ SKART SEPARAT
Il-komunità kummerċjali Maltija hija settur li bla dubju jiġġenera ammont kbir ta’ skart li jista’ faċilment jinġabar b’mod separat. Il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, San Ġwann u r-Rabat flimkien mal-Iskema Awtorizzata l-Green MT, illum nedew sistema ta’ ġbir ta’ skart separat mill-komunità kummerċjali f’dawn it-tlett lokalitajiet. Għal din l-attività kien preżenti s-Segretarju Parlamentari l-Onor. Chris Said li hu responsabbli mill-Kunsilli Lokali.
Dawn il-Kunsilli Lokali li llum diġà għamlu pass kbir fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom fejn jidħlu inizjattivi ta’ ġbir ta’ skart separat mid-djar residenzjali, qed ikunu proattivi u issa qed iżidu l-ġbir ta’ skart separat minn entitajiet kummerċjali. Chris Said qal li l-azzjoni mnedija llum hija pass ieħor strutturat f’rivoluzzjoni siekta li qeda’ sseħħ preżentament fl-istrateġija tal-immanigjar tal-iskart f’pajjiżna u li kull ma jmur qed tħalli l-frott mixtieq.
Dan il-ġbir, li hu servizz bla ħlas għall-Kunsilli Lokali, se jibda jseħħ fit-tlett lokalitajiet imsemmija bejn is-siegha u nofs u t-tlieta ta’ wara nofsinhar, b’operaturi differenti. Biex loġistika bħal din iseħħ il-ħwienet setgħu jagħżlu huma l-ħin preferit tal-ġabra, u nfatti ġie deċiż li dan għandu jkun kmieni wara nofs in-nhar.
Chris Said stqarr li llum fl-ewwel ġurnata tal-ġbir ta’ skart b’kollox inġabru 2.2 tunnellati ta’ skart riċiklat min-negozji. F’Birkirkara inġabru 520 kilogrammi u f’San Ġwann 650 kilogrammi, filwaqt li fir-Rabat l-ammont ta’ ġbir ta’ skart riċiklat tela’ għal 1040 kilogrammi. Il mira tal-iskema Green MT hija li dan l-ammont jitla’ għal minimu ta’ erba tunnelati kuljum mis-settur kummercjali f’dawn it-tlett lokalitajiet. Infatti f’Birkirakara biss hemm iktar minn 900 hemm entitajiet kummerċjali liċenzjati, li huma skerati f’iktar minn 720 triq.
L-iskart separat miġbur minn kull lokalita’ jiġi meħud fl-impjant ta’ Sant Antnin fejn Green Mt, bi ftehim mal-Waste Serv, tisseparah u tesportah għar-riċiklaġġ finali.
Chris Said qal ukoll li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali ta’ San Ġiljan, Sliema u San Pawl il-Baħar biex ikomplu jibnu fuq l-eżempji ta’ prattiċi tajba tal-Kunsilli Lokali li qed iħaddmu din is-sistema flimkien mal-Green MT.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990