L-EWWEL EDIZZJONI TAL-GOZO CUP TIĠBED MIJIET TA’ DILETTANTI TAL-FOOTBALL LEJN GĦAWDEX
Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’Għawdex saret għall-ewwel darba l-Gozo Cup li ħadet il-forma ta’ tournament kwadrangulari bejn Gozo XI, Valletta FC, Birkirkara FC u AS Hibernians bil-logħob kollu jsir fil-Gozo Stadium. Il-Gozo Cup ġiet organizzata mill-Gozo Football Association bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika.
L-edizzjoni inawgurali tal-Gozo Cup intrebħet minn Birkirkara li fil-finali tal-Ħadd wara nofsinhar għelbu lil Hibernians bl-iscore ta’ 2-0. Valletta spiċċaw fit-tielet post meta fil-play-off bejn is-semi-finalisti telliefa huma kisbu rebħa ta’ 3-2 fuq Gozo XI. Fis-semi-finali tal-Ġimgħa, Hibernians kienu għelbu lil Gozo XI 2-1 u Birkirkara kisbu post fil-finali b’rebħa ta’ 1-0 fuq Valletta.
Din il-kompetizzjoni ġibdet mijiet ta’ partitarji tat-tlett klabbs Maltin li pparteċipaw lejn Għawdex. Dawn mhux biss attendew għat-tournament fejn ħolqu atmosfera mill-isbaħ, iżda wkoll kellhom l-opportunità jgawdu l-gżira Għawdxija fejn iġġeneraw ammont sostanzjali ta’ kummerċ. It-tournament, li se jibda jsir kull sena, serva wkoll ta’ attrazzjoni għad-dilettanti tal-footall Għawdxin li kellhom iċ-ċans isegwu tlieta mill-aqwa klabbs Maltin u l-aħjar talent tal-football Għawdxi.
Fi tmiem il-finali tal-Ħadd, is-Segretarju Parlamentari Chris Said ippreżenta l-Gozo Cup lil captainta’ Birkirkata Shaun Bajada u trofej lill-parteċipanti l-oħra.
Matul l-istess tmiem il-ġimgħa, saru diversi tournaments madwar Għawdex għal timijiet tal-U/8, U/10 u U/12 li fihom ipparteċipaw numru ta’ nurseries Maltin u Għawdxin. Dawn it-tournamentsukoll ġibdu lejn Għawdex mijiet ta’ ġenituri jsegwu lit-tfal tagħhom filwaqt li ħolqu attività fid-diversi grawnds u ċentri sportivi fejn intlagħbu.
Kemm il-President tal-GFA Alvin Grech, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Chris Said tkellmu mad-diriġenti tal-klabbs parteċipanti u l-players u lkoll qablu li din l-ewwel edizzjoni tal-Gozo Cup kienet suċċess. Għalhekk l-organizzaturi diġa bdew il-preparamenti biex il-Gozo Cup issir appuntament annwali fil-kalendarju sportiv ta’ Għawdex matul ix-xhur tax-xitwa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990