B’AKTAR PROĠETTI TISSAĦĦAĦ L-EKONOMIJA U JINĦOLOQ AKTAR XOGĦOL GĦALL-ĦADDIEMA
Il-Gvern qiegħed jinvesti aktar fl-infastruttura u t-toroq biex pajjiżna jkun aktar attrajenti għall-Maltin u l-Għawdxin u għal min irid jinvesti. B’infrastruttura aħjar inkunu qed inkabbru l-potenzjal ekonomiku biex jinħoloq aktar xogħol. Barra minhekk waqt li jkunu qed isiru l-proġetti kapitali jkun qiegħed jinħoloq ix-xogħol, anki għall-ħaddiema li jaħdmu mas-settur privat.
Dan qalu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi waqt li kien qiegħed iżur il-proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq ta’ Pinu, f’Għawdex. Hu kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono. Waqt iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru tkellem mal-ħaddiema u wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tagħhom biex ix-xogħol illum jinsab avvanzat aktar milli kien pjanat.
L-investiment li qiegħed isir fuq il-bini ta’ din it-triq ilaħħaq it-€3,730,000. Din hi parti mill-fondi li hemm allokati għal bini ta’ toroq arterjali f’Għawdex li jammontaw għal kważi €9.5 miljun. F’Għawdex diġa saru diversi proġetti oħra ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq fosthom it-triq tal-Imġarr u t-triq li minn Victoria twassal sa San Lawrenz.
Ix-xogħol fi triq ta’ Pinu miexi b’ritmu mgħaġġel u jinkludi twessiegħ tat-triq, skavar, bini ta’ ħitan,bankini kif ukoll street furniture. Proġett li se jkun qed itejjeb l-aċċessibilta’ lejn is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu filwaqt li titjieb is-sigurta’ fit-toroq tal-gżira Għawdxija.
Il-Prim Ministru qal li fl-aħħar xhur ġew inawgurati diversi proġetti f’Għawdex. Il-Gvern investa fl-Istitut għall-Istudju Turistiċi f’Għawdex biex illum f’Għawdex hawn faċilitajiet moderni biex żgħażagħ u adulti jitħarrġu biex isibu impjieg fl-industrija tat-turiżmu. Permezz ta’ dan il-proġetti li ġie inawgurat f’Mejju li għadda, il-Gvern kompla kattar l-opportunitajiet ta’ studju u taħriġ għall-Għawdxin. B’aktar ħaddiema mħarrġa tissaħħaħ l-ekonomija, biex jinħolqu aktar impjiegi u biex it-turiżmu jkompli jikber.
F’Ġunju tal-2009 infetaħ iċ-Ċentru ta’ matul il-jum “Santa Marta”, fir-Rabat, Għawdex għall-persuni b’diżabilita’. Dan iċ-ċentru jiffaċilita’ l-bżonnijiet ta’ dawk li jkunu jeħtieġu servizzi marbuta mal-persuni b’diżabilita’. Dan iċ-ċentru li fih isiru wkoll attivitajiet qed ikun strumentali wkoll għall-inklużjoni tal-persuni b’diżabilita’ fil-komunita.
Fil-qasam ambjentali, f’Lulju li għadda ġiet inawgurata il-faċilità għall-ġbir ta’ skart goff fix-Xewkija.
Proġett importanti ieħor li qed isir f’Għawdex bħalissa hu l-bini ta’ skola sekondarja ġdida għas-subien fir-Rabat, Għawdex. Din l-iskola se toffri aktar spazju b’faċilitajiet aktar moderni għat-tagħlim u r-rikreazzjoni. Il-faċilitajiet il-ġodda jinkludu 18-il laboratorju għal-lezzjonijiet tax-xjenza u t-tekonoloġija, laboratorji għat-tagħlim fl-arti, id-disinn u food technology. Se jkun hemm ukoll faċilitajiet sportivi aħjar biex jintużaw għal diversi dixxiplini sportivi.
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-Gvern hu impenjat li f’Għawdex isiru aktar proġetti li permezz tagħhom jissaħħu l-impjiegi f’Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990