ĦADDIEMA TAL-I.P.S.L. ASSENJATI MAL-KUNSILLI LOKALI FUQ ĦIDMA FIL-LOKALITAJIET
Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said, illum żar il-lokalitajiet tan-Nadur u ż-Żebbuġ f’Għawdex, biex isegwi numru ta’ proġetti tal-Kunsill Lokali li qed jiġu amministrati mill-ħaddiema tal-Industrial Projects and Services Ltd (IPSL). Dawn il-ħaddiema qed jiġu provduti lill-Kunsilli Lokali mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali.
F’Għawdex preżentament hemm 16-il ħaddiem tal-IPSL assenjati mal-Kunsilli Lokali biex jaħdmu fuq xogħlijiet ta’ pavimentar, bankini, żebgħa, ħitan tas-sejjieħ u tindif ta’ ġonna fost xogħlijiet oħra. Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali qal li l-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex qed jibbenefikaw minn aktar minn 300 ħaddiema, fosthom dawk tal-IPSL, ħaddiema tal-Gvern u oħrajn mill-Community Work Scheme li l-pagi tagħhom kollha qed jitħallsu mill-Gvern Ċentrali.
Ħdax-il lokalità f’Għawdex s’issa bbenefikaw mix-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema, fosthom in-Nadur u ż-Żebbuġ. Fin-Nadur il-ħaddiema qed jagħmlu xogħol ta’ ħajt tas-sejjieħ, ‘il fuq minn 230 metru tul bi 3 metri għoli fi triq li twasslek għall-bajja ta' Daħlet Qorrot, flimkien ma’ bankijiet ġodda matul it-triq kollha. Permezz ta’ dan ix-xogħol, il-ħaddiema qed jiggwadanjaw ħiliet ġodda permezz ta’ taħriġ fuq il-post stess.
Fin-Nadur sar ukoll xogħol ta’ żebgħa tal-poġġaman u l-bankijiet kollha fi Ġnien il-Kunsill kif ukoll bankini ġodda f'diversi toroq. Is-Sindku tan-Nadur, Miriam Portelli stqarret li ż-żona li tagħti għall-bajja ta’ Daħlet Qorrot u li qabel kienet mitluqa b’ħafna ħitan imwaqqa’, issa ġiet usa u isbaħ minħabba li t-triq ġiet irranġata u bil-fatt li nżammet it-tradizzjoni tal-bini ta’ ħajt tas-sejjieħ, li hu karatteristika tal-post.
Fiż-Żebbuġ qed issir rinovazzjoni kompleta tal-Berġa li qiegħda ħdejn l-għassa tal-Pulizija. Ix-xoghol jikkonsisti fi brix tal-ħitan kollha u nstallar ta’ sistema ġdida tal-elettriku. Is-Sindku tal-lokalità, Charles Saliba qal li l-għan tal-Kunsill hu li jibdel din il-berġa minn stat mitluq għal waħda mgħammra b’tagħmir mediku fejn ir-residenti jkunu jistgħu jinqdew minn numru ta’ servizzi fil-lokalità stess.
Apparti minn din ir-rinovazzjoni, il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ permezz tal-ħaddiema tal-IPSL qiegħed ukoll jibni bankini ġodda f'diversi toroq, u qed isir xogħol ta’ żebgħa fuq sinjali ta’ traffiku, kif ukoll żebgħa ta’ bankijiet u railings max-xatt kollu f’Marsalforn.
L-Onor. Chris Said qal li fil-jiem li ġejjin hemm il-ħsieb ukoll li jsir xogħol ta’ rinovazzjoni fl-għassa tax-Xewkija li bħalissa tinsab fi stat ta’ telqa u abbandun, kif ukoll xogħol ta’ bini ta' ħitan ta' sejjieħ f'diversi lokalitajiet fosthom, f’Kerċem, Munxar, Għasri, Rabat, u Għarb. Dan ix-xogħol ta’ tisbiħ qed issir bil-għan li jissebbħu dawn il-lokalitajiet, isir xogħol bżonnjuż għar-residenti u jitjieb il-prodott turistiku fl-istess lokalitajiet.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990