DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’ WAQT BUSINESS BREAKFAST ORGANIZZAT MIR-RICHMOND FOUNDATION BIT-TEMA: MANAGING STRESS AT THE WORKPLACE – STA. VENERA – 18 TA’ FRAR 2010
L-Agenda ta’ Lisbona saħqet fuq il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Jekk nieħdu ħsieb is-saħħa tal-ħaddiema nistgħu nassiguraw li jkollna innovazjoni, produttivita’ u tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huwa għalhekk li r-riżorsi umani huma fundamentali f’kull organizzazzjoni. Irridu nieħdu ħsieb lin-nies b’mod ħolistiku sabiex jagħtu kontribut pożittiv u sħieħ fl-ambjent tax-xogħol tagħhom.
Il-Gvern jista’ jinfluwenza l-ambjent tax-xogħol permezz tal-leġiżlazzjoni, imma din m’hijiex ir-responsabbilta’ esklussiva tal-istat. Kull min iħaddem, il-ħaddiema, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-Awtorita’ tas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-post tax-xoghol, huma kollha fid-dmir li huma wkoll iġorru din ir-responsabbilta’.
F’dan il-kuntest nifraħ lir-Richmond Foundation talli rnexxiela tlaqqa’ flimkien lil min iħaddem, il-ħaddiema, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-Awtorita’ tas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-post tax-xoghol, sabiex flimkien inħarsu lejn waħda mill-ikbar fatturi li jaffettwaw is-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema tagħna.
Skond l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, fis-sena 2000, id-depression kienet ir-raba’ l-ikbar kontributur għan-nuqqas ta’ saħħa u/jew il-mard fid-dinja. Iżda, huwa stmat li sas-sena 2020, id-depression se ssir it-tieni l-akbar diżabilita’ f’dak li jissejjaħ Disability Adjustment Life Years (DALYs) li hija s-somma tas-snin ta’ produttivita’ mitlufa minħabba diżabilita’, ikkalkulata fl-etajiet u sessi kollha. Huwa wkoll stmat li madwar 25% tal-popolazzjoni tad-dinja se tesperjenza xi tip ta’ mard mentali tul il-ħajja.
Riċerka riċenti tal-WHO żvelat li kundizzjonijiet newropsikjatriċi huma komuni l-aktar f’10% tal-adulti. Instab li madwar 450 miljun persuna qed isofru minn kundizzjonijiet newropsikjatriċi bħad-depression, bipolar affective disorder, skizofrenija, abbuż mill-alkoħol u d-droga, post traumatic stress disorder, obsessive and compulsive stress disorder, kif ukoll kundizzjonijiet marbuta mal-paniku u l-ansjeta’. Huwa għalhekk fi żmien tajjeb u opportun li aħna nieħdu l-azzjoni neċessarja u preventiva minn issa.
Nixtieq nieħu din l-opportunita’ biex nifraħ lil dawk li jħaddmu u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema li mhux biss diġa’ għarfu l-importanza tal-immaniġjar tal-istress fuq il-post tax-xogħol, imma qed jimplimentaw sistemi li jgħinu lill-ħaddiema billi jagħmlu l-organizzazzjoni tagħhom ambjent tax-xogħol aktar b’saħħtu. Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990