LAQGHA IMPORTANTI F’RUMA BEJN MALTA, l-ITALJA U l-LIBJA DWAR IL-KWiSTJONI TAl-VISA BEJN L-EWROPA U l-LIBJA
F’laqgħa li għadha kif intemmet f’Ruma, bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta, tal-Italja u tal-Libja, Tonio Borg, Franco Frattini u Mousa Kousa, ġew diskussi soluzzjonijiet possibbli għall-kwistjoni tal-visas bejn l-Ewropa u l-Libja, kif ukoll il-possibilita’ ta’ ftehim finali bejn l-Isvizzera u l-Libja. Fil-fatt il-Ministru Libjan Mousa Kousa għandu jżur Madrid għal-laqgħa mal-Presidenza Spanjola dwar dan is-suġġett. Wara, huwa jibqa’ sejjer Berlin fejn ser issir laqgħa bejn rappreżentanti tal-Gvern Libjan u dak Svizzeru.
Nhar il-Ħadd filgħaxija, il-Libja ħadet deċiżjoni li twaqqaf ċittadini miz-zona Schengen milli jidħlu fit-territorju tagħha. Dan wara li l-Isvizzera kienet oġġezzjonat għall-ħruġ ta’ visas lil 180 Libjan, fosthom anki ta’ nies prominenti. Dan ifisser li l-visas taz-zona Schengen ma setgħux jinħarġu lil dawn il-persuni mill-ebda pajjiż ieħor li jagħmel parti mis-sistema ta’ visas tax-Schengen.
F’kummenti li ta fi tmiem il-laqgħa, il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Onor. Tonio Borg stqarr li ġew diskussi diversi proposti għal soluzzjonijiet għal din il-problema, liema problema qiegħda tolqot kważi l-Unjoni Ewropea kollha.
Il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg li mar Ruma kmieni dalgħodu f’titjira minn Malta mal-Ministru Libjan, stqarr li kemm Malta kif ukoll l-Italja qed iwettqu sforz kbir sabiex il-Libja u l-Isvizzera jiffirmaw ftehim, u appellaw sabiex tiġi rtirata l-lista tal-180 ċittadin Libjan li l-Isvizzera inseriet fis-sistema Schengen..
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990