JIBDEW JINTLAQGĦU L-APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-GĦAJNUNA FUQ SISTEMI TA’ ENERĠIJA NADIFA
Mil-lum fl-uffiċini tal-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi bdew jintlaqgħu l-applikazzjonijiet sabiex il-familji jibbenefikaw mill-iskemi li qed joffru għajnuna fuq sistemi ta’ panelli fotovoltajċi u solar water heaters.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali qal li kif kien tħabbar fil-Budget għal 2010, l-għajnuna lill-familji tlaħħaq mat- €8 miljun maqsuma fuq tliet snin.
Għall-iskema ta’ panelli fotovoltajiċi jista’ japplika kulħadd u l-applikanti eliġibbli se jingħataw għajnuna sa 50% tan-nefqa kapitali sa massimu ta’ €3,000. Għal din l-ewwel sena tal-iskema hu kkalkulat li jibbenifikaw mal-400 familja.
Għall-iskema tas-solar water heaters jistgħu japplikaw;
· familji li jibbenifikaw mill-benefiċċju tal-enerġija;
· dawk li jirċievu assistenza supplimentari;
· familji li d-dħul taghhom ikun anqas minn €23,923 u li jibbenifikaw miċ-childrens’ allowance;
· ir-residenti kollha t’Għawdex, biex ikompli jissaħħaħ il-kunċett ta’ eko Għawdex;
· familji bi dħul baxx; u
· dawk li qed jixtru proprjetà għall-ewwel darba, b’valur li ma jaqbiżx il-€120,000.
Permezz ta’ din l-għajnuna fuq is-sistemi tas-solar water heaters il-familji se jingħataw lura40% tan-nefqa, sa massimu ta’ €560.
L-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-Awtorita ta' Malta dwar ir-Riżorsi,www.mra.org.mt jew mill-uffiċċji tal-Awtorita’. L-uffiċċji tal-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Rizorsi se jkunu miftuħa għall-pubbliku kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.00 a.m. u l-4.00 p.m, filwaqt li għar-residenti Għawdxin, sal-Ġimgħa li ġej se jkunu qegħdin jintlaqgħu l-applikazzjonijiet fil-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru Pullicino żied jgħid li b’dawn l-għajnuniet, il-payback period fuq Solar Water Heater se jkun ta’ 3 snin, filwaqt li fuq sistema ta’ panelli fotovoltajiċi se jkun ta’ 8 snin. Dan juri kemm dawn l-iskemi huma ta’ benefiċċju għall-familji, tant li l-familji qegħdin jikkonkorru bi ħġarhom għal dawn l-iskemi.
Intant sal-bieraħ filgħaxija mal-għeluq tal-iskema preċedenti ta’ għotja fuq xiri ta’ solar water heater, l-Awtorita’ rċeviet madwar 3,700 applikazzjoni, bl-aktar tliet lokalitajiet li jibbenefikaw mill-iskema jkunu l-Mosta, Birkirkara u n-Naxxar.
Il-Ministru Pullicino temm jgħid li hu ta’ sodisfazzjon li wieħed jinnota li permezz tal-għajnuniet tal-Gvern fuq xiri ta’ solar water heaters li bdew jingħataw mill-2005, pajjiżna rdoppja l-ammont ta’ solar water heaters fil-pajjiż mill-ammont li kien hawn fl-2005. Dan ifisser li huwa kkalkulat li f’pajjiżna hawn ‘l fuq minn 10,000 solar water heater.
Dan juri kif f’pajjiżna verament qed issir bidla fil-mentalita’ fejn il-familji qed jinvestu f’apparat li jaħli anqas u jħares l-ambjent. Aktar ma jiżdiedu dawn it-tip ta’ teknoloġiji aktar jinħolqu opportunitajiet ta’ mpjiegi. F’dawn l-aħħar xhur f’pajjiżna kien hawn għadd kbir ta’ reġistrazzjoni ta’ kumpaniji li joffru servizzi ta’ enerġija, u apparti minn hekk, kumpaniji oħra diġa stabbiliti komplew jimpjegaw inġiniera u nies tekniċi sabiex ikunu jistgħu joffru servizzi ta’ konsulenza u servizzi relatati fuq tagħmir li jtejjeb l-effiċjenza tal-enerġija fl-industrija u fi stabilimenti kummerċjali.
Dan juri illi s-settur privat qed jaħtaf l-opportunitajiet ta’ xogħol ġdid tekniku u speċjalizzat li qed iġġib magħha l-viżjoni tal-Gvern favur l-enerġija nadifa.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990