MALTA U L-ITALJA JIDDISKUTU L-OPPORTUNITAJIET U L-ISFIDI LI JOFFRI L-MEDITERRAN
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Onor. Tonio Borg kellu taħditiet mas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin tal-Italja, l-Onor. Stefania Craxi, illum fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fil-Belt Valletta.
Iż-żewġ naħat iddiskutew ir-rwol importanti li ż-żewġ pajjiżi għandhom fit-tisħiħ tal-paċi fil-Mediterran u r-relazzjonijiet Euro-Mediterranji. Il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg stqarr li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Italja komplew jissaħħu fl-aħħar xhur, u xhieda ta’ dan huma d-diversi laqgħat bilaterali minn uffiċjali għolja li saru bejn iż-żewġ pajjiżi fl-aħħar xhur. Waqt id-diskussjoni ġie trattat ukoll il-kummerċ bejn iż-żewġ stati u l-Unjoni għall-Mediterran. Fir-rwol tagħha bħala Segretarju tal-Istat Taljan għall-Affarijiet Barranin, l-Onor Stefania Craxi għandha taħt ir-responsabbiltà tagħha materji relatati mar-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq, u materji Euro-Mediterranji. Fost il-ħidma tagħha hija nkarigata wkoll li tħares ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Asia, tal-Oceania u tal-Paċifiku. Huwa semma li fl-aħħar sena, żaru Malta s-Segretarju tal-Istat tal-Affarijiet Barranin tal-Italja, Enzo Scotti; il-Ministru tas-Saħħa Taljan, Ferruccio Fazio u l-President tal-Kamra tad-Deputati tal-Italja, Gianfranco Fini.
Iż-żjara tal-Ministru tas-Saħħa Ferruccio Fazio wasslet biex jiġu ffirmati ftehim mal-gvern Malti fil-qasam tas-saħħa u x-xjenza medika. L-aħħar żjara kienet dik ta’ Gianfranco Fini li saret ftit tal-ġimgħat ilu u li fi kliemu, kompliet tiftaħ il-bibien għal aktar relazzjonijiet b’saħħithom bejn iż-żewġ stati. Tkellem ukoll dwar iż-żjara li mistenni jagħmel fil-futur qarib, il-President Taljan l-E.T. Giorgio Napolitano.
Fakkar kif Malta, b’ġest ta’ ħbiberija u apprezzament, waqt iż-żjara li għamel Enzo Scotti f’pajjiżna, ippreżentatlu pubblikazzjoni li wettaq il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin bl-isem ‘Malta & Italia, Amicizia Duratura’; Malta & Italja, Ħbiberija Dejjiema, li permezz tiegħu ingħata ringrazzjament lill-Italja tad-diversi protokolli finanzjarji li saru bejn iż-żewġ pajjiżi u li minnhom Malta setgħet tgawdi l-frott ta’ din il-ħbiberija.
Intant, fejn jidħol turiżmu, il-Viċi Prim Ministru Borg innota l-fatt li fl-aħħar snin Malta saħħet dan il-qasam mal-Italja. Minkejja li t-turiżmu b’mod internazzjonali naqas, Malta irnexxilha żżid it-turisti Taljani li jiġu għal btala f’pajjiżna. Din iż-żieda fl-2009 kienet ta’ 10% fuq is-sena ta’ qabel biex b’kollox it-turisti Taljani li żaru Malta laħqu kwazi l-160,000 persuna. Iċ-ċifri juru wkoll żieda fuq in-nefqa li għamlu dawn it-turisti. Dan huwa attribwit ukoll minħabba ż-żieda fir-rotot tal-ajru u tal-baħar li joperaw bejn iż-żewġ pajjiżi. Fil-qasam tal-kummerċ, l-Italja huwa l-iktar pajjiż li Malta tagħmel kummerċ miegħu, fl-2008 dan kien stmat għall-biljun ewro, filwaqt li 26% tal-materjal importat f’Malta ġie mill-Italja fl-istess sena.
Il-Ministru Tonio Borg qal ukoll li l-koperazzjoni kulturali bejn iż-żewġ stati hija eċċellenti tant li hemm bosta ftehim ta’ ġemellaġġi bejn lokalitajiet Maltin u Taljani, kif ukoll skambji ta’ studenti, nies professjonisti u oħrajn li permezz tagħhom iż-żewġ naħat igawdu mill-esperjenza vasta kulturali u edukattiva li għandhom Malta u l-Italja.
Ma tonqosx ukoll it-turija ta’ solidarjetà bejn Malta u l-Italja. Hawnhekk il-Ministru Tonio Borg irrefera għad-donazzjoni li kienet bagħtet Malta lit-terremotati ta’ L’Aquila, li għal dan il-għan, il-Ministru Tonio Borg kien ippreżenta d-donazzjoni lill-Ambaxxatur Taljan għall-Malta, Paolo Andrea Trabalza waqt kunċert li ġie organizzat fi ħdan il-Ministeru.
Fir-rigward tal-edukazzjoni, il-Viċi Prim Ministru semma l-aħħar żviluppi fejn permezz tal-ħidma tal-Konslu Malti f’Turin, Giuseppe Bilotta, total ta’ sittin student mill-Istituto per Ragioneri e Geometri tal-belt ta’ Cirie f’Turin, se jkunu qed jiġu Malta żewġ gruppi ta’ studenti sabiex jitgħallmu l-Ingliż fi Frar ta’ din is-sena. Dawn iż-żjarat ingħataw ukoll importanza mill-media Taljana.
Intant, il-Konslu Onorarju ta’ Malta f’Genoa, kien kruċjali sabiex fil-futur qarib tibda taħdem rotta ġdida tal-ajru bejn Malta u l-Italja minn Genoa. Dan se jkun qed jgħin bis-sħiħ lill-industrija turistika f’Malta speċjalment dawk marbutin mat-tagħlim tal-Ingliż u l-edukazzjoni.
Fl-istess waqt is-sena li għaddiet, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin permezz tal-Ambaxxata Maltija f’Ruma, flimkien mal-Malta Enterprise organizzaw seminar kummerċjali f’Milan li għalih attendew numru konsiderevoli ta’ investituri u negozjanti Taljani. Dan is-seminar, intitolat ‘Malta: un isola di opportunita’ sar fil-Kamra tal-Kummerċ ta’ Milan u kellu l-għan ewlieni li juri l-potenzjalità ta’ Malta f’dan is-settur.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990