Left arrow Mur Lura

ŻEWĠ DONAZZJONIJIET IMPORTANTI LILL-MUŻEW TAL-ISTORJA NATURALI

PR0256
Date Icon 12/02/2010

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Dolores Cristina ġiet ippreżentata b’żewġ donazzjonijiet importanti li ngħataw lill-Mużew tal-Istorja Naturali tal-Imdina.

Is-Sur Gwido Lanfranco espert tal-istorja naturali, li ismu hu sinonimu ma’ dan il-qasam, offra lill-mużew akar minn 120 ktieb li jkopru suġġetti li jvarjaw mill-entimoloġija għall-ornitoloġija kif ukoll aktar minn 200 stampa marbuta mal-istorja naturali, kollezzjoni ta’ ritratti oriġinali bil-kulur u black & white li ħafna minnhom kienu ppubblikati f’rivisti u gazzetti u aktar minn 500 kampjuni ġeoloġiċi u minerali.

Fost il-kotba mogħtija lill-mużew hemm uħud li għandhom importanza storika fosthom il-Catalogo Ornitologico ta’ Antonio Schembri ppublikat fl-1843; Repertorio di Stoira Naturale ta’ Gavino Gulia (1858) u oħrajn.

Id-donazzjoni tinkludi wkoll materjal stampat fosthom dokumenti dwar speċi endemiċi tal-gżejjer Maltin, noti fuq friefet li dehru fil-gżejjer tagħna u artikli f’gazzetti u illustrazzjonijet diversi kif ukoll kollezzjoni ta’ biċċiet ta’ blat, minerali u koralli u żewġ skeletri ta’ serp u żrinġ. 

F’din l-istess okkażjoni, Heritage Malta rċiviet kollezzjoni ta’ insetti miġbura mill-mibki Carmelo De Lucca li bejn l-1969 u l-1971 kien Assitent Kuratur u aktar tard Kuratur tal-istess Mużew tal-Istorja Naturali fl-Imdina responsabbli mit-taqsimiet tal-għasafar u l-insetti.

Fl-aħħar tas-snin 60, dan il-mużew kien akkwista kollezzjoni ta’ għasafar mingħand missier l-istess Carmelo, Vincenzo De Lucca, entimologu ta’ fama li kien jispeċjalizza fl-istudju tal-friefet li dwarhom ippubblika numru ta’ rapporti xjentifiċi.

Il-kollezzjoni li ngħatat lill-Mużew tal-Istorja Naturali tikkonsisti f’36 kaxxa b’wiċċ tal-ħġieġ li fihom hemm mijiet ta’ insetti fosthom uħud ta’ valur xjentifiku kbir. Barra minn hekk, il-kollezzjoni tinkludi wkoll herbarium u mijiet ta’ disinji ta’ pjanti lokali. 

Il-preżentazzjonijiet lill-Ministru Cristina, f’isem il-Mużew tal-Istorja Naturali, saru minn Guido Lanfranco nnifsu u mill-Professur Dennis De Lucca.

Dawn iż-żewġ kollezzjonijiet issa se jkunu jistgħu jintużaw mill-pubbliku għal skopijiet ta’ riċerka flimkien mal-ispeċi oħra li hemm f’dan il-mużew, madwar miljun oġġett.

Il-Ministru Cristina rringrazzjat liż-żewġ donaturi għal dawn ir-rigali li se jkomplu jżidu mal-wirt kbir li hemm fil-mużew.  Hi qalet li l-Mużew tal-Istorja Naturali, permezz ta’ donazzjonijiet bħal dawn, ikompli jgħolli l-profil tiegħu bħala sors ta’ riċerka kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin li jużaw is-servizzi tiegħu.

Bħalissa dan il-mużew għaddej minn xogħlijiet ta’ titjib u tisbiħ u fl-organizzazzjoni sistematika tal-kollezzjonijiet li jinsabu fih.

Il-Ministru ħeġġet biex aktar nies li għandhom kollezzjonijiet importanti jagħmlu donazzjonijiet simili lid-diversi mużewijiet li hawn fil-pajjiż biex oġġetti ta’ importanza hekk kbira jkunu jistgħu jitgawdew minn aktar nies, u jkomplu jiżdiedu mar-rikkezzi li għandu l-pajjiż.

Joe Said, Chairman ta’ Heritage Malta, irringrazzja lill-familja Lanfranco u l-familja De Lucca għall-għotjiet ferm ġenerużi li għamlu lin-nazzjon.  Hu qal li xtaq jieħu l-okkażjoni biex jirringrazzja lill-Ministru Dolores Cristina għall-ħidma tagħha tul iż-żmien li kienet responsabbli minn Heritage Malta u għall-appoġġ kontinwu li dejjem tat lill-aġenzija responsabbli mill-wirt f’pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow