150,000 PAKKETT TA’ BOROŻ TAR-RIĊIKLAĠĠ B’XEJN LILL-FAMILJI
Mil-lum, il-kumpanija privata Green Dot Malta, l-operaturi tal-iskema tal-ġbir tal-iskart magħrufa bħala GreenPak, bdiet tqassam madwar 150,000 pakkett ta’ boroż tar-riċiklaġġ b’xejn lill-familji kollha ta’ 20 lokalita’ li jużaw is-servizz tal-GreenPak. Dawn il-lokalitajiet huma; Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birgu, Birżebbuġa, Furjana, Gudja, Ħamrun, Kalkara, Ħal Luqa, Marsa, Qrendi, Ħal Tarxien, il-Belt Valletta, Xgħajra, Ħaż-Żabbar, Żejtun, Bormla, Santa Venera, Pieta’ u l-Imqabba.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino li kien preżenti għat-tnedija ta’ din l-iskema li saret fl-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara, filwaqt li feraħ lill-kumpanija GreenPak għal din l-inizjattiva, sostna li huwa ta’ sodisfazzjon li f’anqas minn sentejn kemm ilha għaddejja l-iskema “Irriċikla t-Tlieta”, twieldu kumpaniji privati li llum qed jieħdu rwol pro-attiv permezz ta’ ħolqien ta’ aktar inċentivi biex in-nies jisseparaw l-iskart dejjem aktar.
Il-Ministru Pullicino qal ukoll li din l-inizjattiva qed issir ukoll fit-tieni anniversarju mill-ftuħ tal-ewwel fażi tal-impjant ta’ Sant’Antnin. Huwa stmat li tul l-2009, l-ammont ta’ skart riċiklabbli miġbur fl-impjant ta’ Sant’Antnin kien aktar minn 13,000 tunnellata, liema skart jinġabar mill-Bring-In Sites (li f’Malta u Għawdex għandna ‘l fuq minn 800 kontenitur) u mill-iskemi ta’ ġbir ta’ skart separat bħal “Irriċikla t-Tlieta”. Minn din l-iskema Irriċikla t-Tlieta, fl-2009 inġabru madwar 7,100 tunnellata. Dan ifisser li din l-iskema qabdet sew mal-pubbliku meta mqabbla mal-2008, li fiha nġabar madwar 4,500 tunnellata ta’ skart riċiklabbli. Dan juri kemm verament il-publiku qiegħed jikkopera u fehem fi żmien relattivament qasir, l-importanza ta’ dak li l-Gvern qiegħed jagħmel fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.
Din l-inizjattiva tinkludi wkoll kampanja edukattiva estensiva. Numru ta’ persuni se jkunu qed iżuru wkoll id-djar tal-familji sabiex jispjegaw u tkompli tinħoloq kuxjenza dwar l-importanza tar-riċiklaġġ u s-separazzjoni tal-iskart. Flimkien mal-boroż b’xejn, il-familji se jingħataw ukoll fuljett b’messaġġ edukattiv dwar x’tip ta’ skart għandu jintefa’ f’dawn il-boroż flimkien mal-għanijiet tas-separazzjoni tal-iskart.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990