KARNIVAL REĠJONALI TA’ GĦAWDEX 2010
Il-Kumitat għaċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali f’Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex għal darba oħra se jorganizza programm sħiħ tal-karnival ta’ Għawdex mifrux fuq ħamest ijiem. Ser jingħata bidu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Frar u mistennija jiġu fi tmiemhom it-Tlieta 16 ta’ Frar.
Id-dettalji tal-programm ġew ippreżentati mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti wkoll is-Sindku tal-Belt Victoria, Dr Samuel Azzopardi u uffiċjali mit-taqsima tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Waqt li ngħataw dettalji dwar il-programm ta’ din is-sena, il-Ministru Debono semmiet attività li ser tkun organizzata għall-ewwel darba proprju din is-sena. Is-Sibt filgħaxija, se tiġi organizzata La Notte in Maschera, fejn se jsiru attivitajiet diversi fil-pjazez u nħawi ewlenin tal-Belt Victoria. Se jispikkaw fost l-oħrajn nies lebsin kostumi sbieħ, relatati mal-karnival, mexjin fit-toroq, mużika, drama u ikel.
L-Onor Debono qalet li kull ma jmur il-Karnival ta’ Għawdex qed jirnexxielu jattira numru dejjem akbar ta’ Maltin li jiġu jqattgħu xi jiem fil-gżira ta’ Għawdex. Għalhekk il-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex huwa impenjat biex iżid mal-attrazzjonijiet naturali u b’hekk joħloq opportunitajiet ta’ divertiment li huma wkoll adattati għal dan iż-żmien tas-sena.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fuq tel: 21556125 jew is-sit elettroniku: www.gozoculture.com.
Il-programm sħiħ għal Karnival ta’ Għawdex 2010 hu kif ġej:
Il-Ġimgħa 12 ta’ Frar 2010
- Il-Karnival mit-Tfal għat-Tfal bis-sehem ta’ kumpaniji taż-żfin mill-iskejjel tal-Gozo College fi Pjazza Santu Wistin, Victoria li jibda bi sfilata minn Pjazza San Franġisk. Ħin: 10.00 a.m.
- Spettaklu tal-ftuħ tal-Karnival 2010 f’Għawdex fi Pjazza S. Wistin, Victoria bis-sehem tal-kumpaniji ta’ żfin, gruppi mużikali, maskri grotteski u karrijiet trijonfali. Dħul b’xejn. Ħin: 7.00 p.m.
Is-Sibt 13 ta’ Frar 2010
- Defilè bis-sehem ta’ kumpaniji ta’ żfin mill-iskejjel tal-Gozo College minn Pjazza San Franġisk, Triq Palma, Triq ir-Repubblika għal Pjazza Indipendenza. Karnival tat-Tfal fl-enclosure ta’ Pjazza Indipendenza. Ħin: 10.00 a.m.
- La Notte in Maschera – Karnival ta’ bil-lejl b’varjetà ta’ attivitajiet għall-familja kollha, fiċ-ċentru storiku tal-Belt Victoria organizzat mal-Kunsill Lokali Victoria. Ħin: 7.30 p.m. Program dettaljat aktar ’l isfel
Il-Ħadd 14 ta’ Frar 2010
- Grand Defilè tul Triq il-Repubblika minn Pjazza Kennedy sa Pjazza Savina bis-sehem tal-kumpaniji ta’ żfin, gruppi mużikali, maskri grotteski u karrijiet trijonfali bi żfin u spettaklu karnivalesk fl-enclosure fi Pjazza Indipendenza, Victoria. Dħul fl-enclosure huwa bil-biljetti li jistgħu jinkisbu mill-Banca Giuratale mit-Tnejn 8 ta’ Frar 2010. Prezz €5. Ħin: 3.00 p.m.
It-Tnejn 15 ta’ Frar 2010
- Karnivali Lokali fl-irħula Għawdxin organizzati mill-Kunsilli Lokali tagħhom. Ħin: Ħinijiet diversi fil-għaxija.
It-Tlieta 16 ta’ Frar 2010
- Defilè – spettaklu tal-Final tal-Karnival ta’ Għawdex tul Triq ir-Repubblika bejn Pjazza Savina u Pjazza Kennedy fejn ikun hemm ukoll spettaklu ta’ żfin tal-kumpaniji parteċipanti fil-Karnival ta’ Għawdex 2010. Jieħdu sehem il-kumpaniji ta’ żfin, gruppi mużikali, maskri grotteski u karrijiet trijonfali. Ħin: 6.30 p.m.
LA NOTTE IN MASCHERA
Is-Sibt 13 ta’ Frar 2010
Pjazza Indipendenza
7.30pm - 8.30pm
Siegħa għat-tfal u l-kbar animati minn Miriam Christine Borg & kantanti żgħar
8.30pm – 9.30pm
Spettaklu ta’ żfin ballroom minn Tony Laurence Ballroom Ensemble
11.00pm – 01.00am
Kunċert kbir mill-Big Band Brothers. Mistiedna speċjali Chiara & Pamela
Pjazza Savina
7.00pm – 9.00pm
Teatru tat-triq u animazzjoni oħra imtellgħa mill-Victoria Youth Local Council
Pjazza San Ġorġ
9.30pm – 11.00pm
Kunċert ta’ mużika pop mill-Island Brass Band
Triq id-Dejqa
8.30pm – 9.30pm
Mużika tradizzjonali għal żmien il-Karnival minn Ta’ Seguna Folk Group
9:30p.m. – 10:30p.m.
Żfin ballroom minn koppji tat-Tony Laurence Ballroom Ensemble
10:30p.m. – 11:30p.m.
Kanzunetti popolari Maltin minn Christabelle & Kevin
Triq il-Karmnu (parti t’isfel)
9.00pm – 10.30pm
Toni Gauci (t-Tulitta) bil-kitarra
San Ġorġ tal-Ħaġar
8.30pm – 10:00pm
Kant allegru mis-sopran Rosabelle Pavia akkumpanjata minn Joe Engerer fuq il-kitarra
10:00pm – 11:30pm
”Il-Klassi” – kummiedja ta’ P.P. Grech imtellgħa mill-Kerċem Drama Group
Triq l-Arċ.Saver Cassar
9.00pm – 10.30pm
“Preacher’s Corner” imtellgħa mill-Victoria Youth Local Council
Mat-toroq id-dojoq taċ-ċentru storiku tal-Belt Victoria
9.00pm – 11.00pm
Parati ta’ personaġġi bil-kostum mit-Teatru Astra, Teatru Aurora, l-Oratorju Don Bosco, il-Kumpanija Spettaklu ta’ Rose u Christian Saliba u l-Kumpanija Spettaklu ta’ Doris u Joe Bugeja akkumpanjati mill-grupp mużikali ”Tama Tnabar”.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990