JUM IL-ĦAJJA 2010 F’GĦAWDEX
‘Il-Mara u l-Ħajja Umana’ kienet it-tema magħżula minn pajjiżi Ewropej għall-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja 2010. Għawdex ingħaqad ma’ pajjiżi oħra fid-dinja biex jiġi ċċelebrat it-32 Jum favur il-Ħajja permezz ta’ attivita’ mtellgħa minn Dar Ġużeppa Debono, li għaliha attendew fost l-oħrajn, is-Sinjura Catherine Gonzi u l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex.
Pro-Life Day tiġi ċċelebrata f’numru ta’ pajjiżi fl-Ewropa nhar l-ewwel Ħadd ta’ Frar ta’ kull sena, bil-għan li tippromwovi l-valur tal-ħajja. Din hija t-tieni sena li Għawdex, permezz ta’ Dar Ġużeppa Debono, ingħaqad ma’ dawn il-pajjiżi biex anke din il-gżira tiċċelebra dan l-avveniment, filwaqt li titqajjem kuxjenza u jiżdied l-għarfien dwar il-valur tal-ħajja.
Għal din l-okkażjoni tħejja programm li kien jinkludi kant, drama u żfin, u matulu erba’ kelliema ewlenin indirizzaw lil dawk preżenti biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. It-temi magħżula kienu jolqtu partikolarment il-mara u l-ħajja umana f’kuntesti differenti. Dawn il-kelliema kienu jinkludu lis-Sinjura Catherine Gonzi, lill-Ministru għal Għawdex, l-Onor Giovanna Debono, is-Sindku tal-Belt Victoria Dr Samuel Azzopardi u Mons. Mario Grech, l-Isqof ta’ Għawdex. Kien hemm preżenti wkoll Ms Maria Attard, Direttriċi ta’ Dar Ġużeppa Debono.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru Debono faħħret is-servizzi li jingħataw minn din id-dar, li qed iwasslu għarfien dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tat-tfajla omm, il-ħarsien tad-drittijiet tat-tarbija sa mit-tnissil, kif ukoll għajnuna konkreta biex nisa li jsibu ruħhom f’diffikultajiet jiġu megħjuna b’mod tanġibbli. Żiedet tgħid li t-twettieq ta’ dik li hi l-viżjoni eko-Għawdex tieħu wkoll kunsiderazzjoni tal-aspett uman billi jiġi promoss programm ta’ azzjoni li jwassal biex f’Għawdex ikun hawn kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-Ministru Debono qalet li dan ser isir ukoll permezz ta’ promozzjoni u tagħlim fir-rigward ta’ edukazzjoni favur il-ħajja, li jippromwovi divertiment nadif filwaqt li jżid l-għarfien dwar ir-responsabiltajiet tal-individwu li jħares u jirrispetta d-drittijet tal-oħrajn.
Dar Ġużeppa Debono ilha mwaqqfa 25 sena, mit-8 ta’ Diċembru tal-1985, bil-għan li tkun ta’ għajnuna u toffri kenn lill-ommijiet mhux miżżewġa fiż-żmien tat-tqala sakemm ikollhom it-tarbija. Matul iż-żmien il-ħidma minn din id-dar żviluppat f’organizzazzjoni li toffri diversi servizzi b’mod speċjali fil-qasam soċjali u dak edukattiv.
Il-ħidma prinċipali tiffoka dwar it-tixrid ta’ tagħrif u ż-żieda fl-għarfien dwar il-valur u l-kultura tal-ħajja permezz ta’ counselling, seminars u attivitajiet oħra. Fl-okkażjoni tal-25 sena mit-twaqqif ta’ din id-dar, din is-sena se jiġu organizzati diversi attivitajiet bil-għan li tinħoloq aktar kuxjenza speċjalment fost adoloxxenti u żgħażagħ filwaqt li jitwassal il-messaġġ tal-ħarsien tal-ħajja sa mit-tnissil.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990