Left arrow Go Back

OPPORTUNITAJIET TA’ FONDI EWROPEJ GĦALL-KUNSILLI LOKALI

PR0198
Date Icon 03/02/2010

Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Onor. Mario de Marco u s-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor Chris Said indirizzaw seminar li tratta opportunitajiet ta’ fondi Ewropej li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-Kunsilli Lokali. Dan is-seminar ġie organizzat mill-MEUSAC bil-kollaborazzjoni tal-PPCD u c-CIP.

Is-seminar ġie organizzat in relazzjoni ma’ sejħa li għadha kemm ħarġet mill-uffiċċju tal-PPCD indirizzata lill-Kunsilli Lokali u relatata b’mod partikolari ma' elementi turistiċi. Din titratta l-iżvilupp tal-prodott fil-lokalitajiet u l-branding tagħhom.

It-temi l-oħra li ġew trattati waqt is-seminar huma l-faċilità ELENA, li l-għan tagħha hu li tgħin lill-ibliet u r-reġjuni jimplimentaw proġetti ta' investiment vijabbli fl-oqsma tal-effiċjenza fl-enerġija permezz ta’ għajnuna teknika biex tagħmel l-ibliet u r-reġjuni proġetti ta' enerġija sostenibbli. Ġie trattat ukoll il-Programm ‘Italia-Malta’ li jkopri l-perjodu 2007-2013. Dan għandu allokazzjoni finanzjarja totali ta' madwar €35 miljun li se jiffinanzja proġetti maħsubin biex jitwettqu l-għan ġenerali tal-programm li huwa ntiż biex tissaħħaħ l-attrazzjoni u l-kompetittività ta' żoni Cross-border fi ħdan qafas ta’ sostenibbiltà ambjentali.

Fl-introduzzjoni tiegħu, is-Segretarju Parlamentari de Marco qal li r-rwol tal-Kunsilli Lokali fl-industrija tat-turiżmu huwa wieħed kruċjali għax huma sieħeb strateġiku fl-iżvilupp tal-prodott turistiku f'pajjiżna. Huwa rrefera għall-ħtieġa li d-diversi lokalitajiet jgħarfu jkunu innovattivi sabiex jisfruttaw l-opportunitajiet ta' fondi li qed jingħataw.

Is-Segretarju Parlamentari de Marco spjega kif l-awtentiċità tal-ibliet u l-irħula tagħna hija element uniku li għandu potenzjal qawwi bħala attrazzjoni għat-turisti li jżuruna. Hu sostna li biex dawn il-lokalitajiet jaraw il-benefiċċji tal-attivita turistika, hemm bżonn li jittieħdu decizjonijiet sabiex nagħmlu l-lokalitajiet tagħna aktar attraenti għar-residenti u għall-barranin. Permezz tal-fondi Ewropej, il-Kunsilli Lokali se jkunu jistgħu japplikaw sabiex jirriġeneraw iċ-ċentru storiku tagħhom.

Huwa rrefera wkoll għal dak li hu wkoll locality branding, fejn jeħtieġ li tingħata identità partikulari lill-lokalitajiet taghna li tiffoka fuq l-awtentiċità u dak li jagħmlu l-lokalitajiet tagħna bħala uniċi.

Dr de Marco temm billi heġġeġ lill-Kunsilli Lokali sabiex jisfruttaw l-opportunitajiet ta' fondi Ewropej.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said min-naħa tiegħu ħabbar li l-PPCD fil-ġimgħat li ġejjin se toħroġ sejħa għall-Kunsilli Lokali u għall-NGOs li titratta l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinovabbli. Din is-sejħa se tkun qed tiffoka fuq solar water heaters u apparat li jiġġenera l-enerġija fuq binjiet li huma proprjetà tal-NGOs jew fil-każ partikolari tal-Kunsilli Lokali, fuq proprjetà tal-gvern. Il-PPCD qed jippjana baġit ta’ €3.5m għal dan il-għan.

Chris Said informa wkoll lis-Sindki, Kunsilliera u Segretarji Eżekuttivi preżenti dwar il-fondi tal-Gvern disponibbli għall-Kunsilli Lokali biex jimplimentaw proġetti Ewropej. Waħda mill-24 skema ta’ għajnuna mħabbra għal din is-sena għall-kunsilli lokali hi Skema ta’ ko-finanzjament għal Proġetti tal-UE – li ġiet imnedija għat-tieni sena konsekuttiva. Dan il-fond qed jgħin biex il-Kunsilli Lokali jsiru iktar pro-attivi biex japplikaw u jipparteċipaw fi proġetti Ewropej. Għaldaqstant dan il-fond qed jistimula lill-Kunsilli Lokali biex iwettqu proġetti permezz ta’ sors addizjonali ta’ fondi li qed jikkumplimenta fondi eżistenti oħra. B’dan il-mod il-Gvern qed jiffaċilita r-riżorsi finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-proġetti Ewropej tal-Kunsilli Lokali, sostna Chris Said.

F’Diċembru li għadda s-Segretarju Parlamentari għadda allokazzjoni finanzjarja lil 9 kunsilli lokali u lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għal 11-il proġett Ewropew li qed jipparteċipaw fihom. L-ammont tal-fond fl-2010 kiber minn €300,000 għal €500,000 biex ikunu jistgħu jiġu assistiti ammont ikbar ta’ Kunsilli Lokali.

Hu kkonkluda billi faħħar il-Funding Unit tal-MEUSAC li permezz tal-għajnuna tagħha għenet biex l-ammont ta’ kunsilli lokali li qed jibbenefikaw minn programmi tal-UE jikber drastikament. Filwaqt li bejn l-2004 u l-2008, il-Kunsilli Lokali kienu bbenefikaw minn €1.8miljun Ewro, fl-2009 biss, it-total ta’ fondi li ħadu tela’ għal €3.8 miljun. Din tisboq il-mira ta’ €3 miljuni li kienu proġettati għas-sena l-oħra. Il-mira għas-sena 2010 hi li l-Kunsilli Lokali jiksbu €6 miljun b’fondi Ewropej għal proġetti u inizjattivi għal-lokalitajiet, sostna Chris Said. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow