STQARRIJA MILL-MINISTERU TA’ L-EDUKAZZJONI, KULTURA, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT
EBDA PRESSJONI FUQ GĦALLIEMA GĦAWDXIN
B’riferenza għall-allegazzjonijiet tal-Malta Union of Teachers, li saret xi pressjoni nġusta fuq għalliema fl-iskola Ninu Cremona ta’ Għawdex, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jixtieq jikkjarifika l-fatti li ġraw b’konnessjoni ma’ laqgħa li saret fl-imsemmija skola.
Il-Kap tal-iskola Sekondarja Ninu Cremona fil-Kulleġġ Għawdex, jiċħad kategorikament li għamel xi pressjoni nġusta fuq l-għalliema tiegħu biex jattendu din il-laqgħa.
F’din l-iskola hemm 170 student li għandhom bżonn arranġamenti speċjali waqt l-eżamijiet minħabba diversi diffikultajiet li għandhom fit-tagħlim.
L-amministrazzjoni tal-iskola dehrilha li fid-dawl tan-numru ta’ diffikultajiet li qajjmu l-għalliema, il-Learning Support Assistants u ġenituri dwar dawn l-arranġamenti speċjali, u kif se jkunu mplimentati, kien imperattiv li ssir laqgħa biex jingħataw il-kjarifiki meħtieġa, għax fuq kollox fin-nofs kien hemm l-interess tal-istudenti nfushom.
L-għalliema u l-Learning Support Assistants għamlu mistoqsijiet ferm importanti dwar x’tip ta’ għajnuna kellha tingħata lil dawn l-istudenti.
Billi dan kien jolqot lil numru konsiderevoli ta’ għalliema u Learning Support Assistants, issejħet laqgħa urġenti, li kienet biss u esklussivament dwar dawn id-diffikultajiet u li ħarset biss lejn il-ġid tal-istudenti waqt l-eżamijiet li se jsiru.
Il-laqgħa bdiet fis-1.10 p.m. u ntemmet fis-1.45 p.m. L-attendenza għaliha kienet fuq bażi volontarja u fil-fatt attendew il-maġġoranza tal-għalliema u l-learning support assistants. Fil-fatt żewġ membri biss mill-istaff tal-iskola m’attendewx għal din il-laqgħa u wieħed minn dawn it-tnejn hu r-rappreżentant tal-MUT. Ma saret assolutament ebda pressjoni fuq l-għalliema, la mill-Kap tal-Iskola u anqas mill-Assistenti tiegħu.
Importanti jkun innutat li din il-laqgħa għamlet ġid kbir u kienet ta’ benefiċċju kemm għall-għalliema kif ukoll għall-istudenti nfushom.Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990