ĠIMGĦA NAZZJONALI GĦAL TNAQQIS FIL-MELĦ
Id-Diviżjoni tas-Saħħa, permezz tad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni ta’ Mard, flimkien mal-Għaqda Dinjija dwar is-Saħħa u l-Melħ (World Action on Salt and Health) ħadet ħsieb torganizza għat-tieni darba il-Ġimgħa Nazzjonali għal Tnaqqis fil-Melħ.
Illum kulħadd jaf bir-relazzjoni ta’ bejn il-melħ u l-pressjoni għolja. Il-pressjoni għolja hi problema kbira għall-Maltin. Permezz tal-Health Interview Survey, li sar is-sena l-oħra, sar magħruf li 23% tan-nisa u 22% tal-irgiel adulti jbatu bil-pressjoni għolja. Nies li jbatu bil-pressjoni għolja qegħdin f’riskju ta’ attakk tal-qalb jew puplesija tliet darbiet aktar minn dawk li ma għandhomx pressjoni għolja. Il-pressjoni għolja tista’ wkoll tirriżulta fi problemi tal-kliewi. Meta persuna tnaqqas il-melħ fid-dieta tagħha tara b’effett immedjat tnaqqis fil-pressjoni u b’hekk ikun hemm inqas riskju ta’ ċerti problemi. Skont il-World Action on Salt and Health (WASH), meta persuna tnaqqas il-konsum ta’ melħ bi 2.5g fil-ġurnata, tkun qegħda tnaqqas ir-riskju ta’ problemi ta’ qalb u puplesija bi kwart. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tgħid li persuna ma għandiex tikkonsma iktar minn 5g ta’ melħ kuljum u dan għandu jkun ħafna inqas fit-tfal.
Fi studju li sar fl-2002 (Health Interview Survey) ħareġ li 47% tan-nies jużaw il-melħ biex isajru bih u 23.73% jużaw il-melħ waqt l-ikel. Persuna wkoll ma tistax tinsa li barra mill-melħ li jintuża waqt l-ikel, ħafna mill-melħ li jiġi kkonsmat huwa dak li ngħidulu melħ moħbi u dan jinsab speċjalment f’ikel ipproċessat. Persuna dejjem għandha tħares lejn il-lista tal-ingredjenti u tkun ċerta li qabel ma tixtri xi ħaġa x’tiekol tagħżel prodotti li huma mingħajr melħ (salt free) jew inkella baxxi fil-melħ.
Azjendi oħra, barra l-qasam tas-saħħa, ukoll jistgħu jgħinu biex itejbu s-saħħa tal-poplu Malti, u din l-inizzjativa tal-lum hija eżempju ċar ta’ dan. Il-ħobż huwa ikel prinċipali fid-dieta tal-Maltin. L-Intrapriża ta’ Jespers illum qed toffri ħobż bla melħ (salt free) lill-pubbliku. Dan qed jsir biex in-nies jaraw kemm hu importanti li jsibu modi ta’ kif inaqqsu l-melħ fid-dieta tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990