Left arrow Mur Lura

PRIVATIZZAZZJONI TAT-TARZNA: IMĦABBRA L-AQWA OFFERTI GĦALL-FAĊILITAJIET TAX-SHIP REPAIR U L-MANOEL ISLAND YACHT YARD

PR0188
Date Icon 02/02/2010

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-privatizzazzjoni tat-Tarzna, il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investment Tonio Fenech iddikkjara li l-Gvern kien sodisfatt ħafna bl-offerta finali għall-faċilitajiet tax-ship repair. L-aqwa offerta kienet dik tal-kumpanija Taljana Palumbo spa li tlaħħaq is-€67.8 miljun, jew €52.7 miljun fil-valur preżenti tal-lum, bejn l-ammont li l-kumpanija se tkun qed tħallas għall-konċessjoni biex tikseb id-dritt li topera l-faċilitajiet u għall-kiri tal-art. Il-konċessjoni hija għal tletin sena.

Tonio Fenech saħaq li dan ifisser li l-Gvern prattikament ikun irkupra dak li investa fl-iskema ta’ rtirar kmieni fuq waħda minn erba’ partijiet tat-Tarzna, u li dan se jfisser li l-pajjiż issa se jkollu intrapriża li flok tieħu sussidji se tkun qed tiġġenera l-ġid, toħloq ix-xogħol u tikkontribwixxi ekonomikament hi għall-pajjiż. Huwa fakkar kif dan huwa ta’ benefiċċju mhux biss għall-ħaddiema li din se tieħu magħha iżda għal numru kbir ta’ intrapriżi oħrajn, fosthom bosta żgħar u medji, li jsostnu ruħhom billi jissupplixxu prodotti u servizzi lill-istess tarzna.

Palumbo, li huwa negozju b’esperjenza ta’ 40 sena fil-qasam tat-tiswija tal-vapuri u li għandha faċilitajiet oħrajn f’Napli u Messina mistennija tagħmel investiment kapitali ta’ €23.5miljun fuq 5 snin għat-titjib tal-infrastruttura u l-makkinarju.

Dwar Manoel Island Yacht Yard, l-aqwa offerta kienet dik ta’ Manoel Island Yacht Yard Consortium, b’valur ta’ €12.4-il miljun. Din l-offerta hi magħmula minn sitt investituri stabbiliti f’firxa ta’ oqsma tan-negozju, lokali u ta’ barra, bl-għan li jiżviluppa l-faċilità ta’ Manoel Island f’waħda mill-aqwa yacht yards fil-Mediterran li tipprovdi firxa ta’ servizzi lill-industrija tal-jottijiet.

Fir-rigward tal-investiment, l-MIYY qed jipprevedi li jinvesti ammont ta’ €2,150,000 fl-ewwel 5 snin, flimkien ma’ madwar €4 miljuni fi proċess ta’ reklamazzjoni biex jitwessa’ l-ispazju disponibbli għall-jottijiet.

Il-proċess li jmiss huwa li l-ftehim ikun approvat mill-Parlament wara li jkunu finalizzati xi kwistjonijiet marbuta mal-impjegati u t-trasferiment tan-negozju.

B’differenza minn dawn iż-żewġ proċessi, fir-rigward tal-faċilitajiet tas-Super Yacht Yard, il-Ministru Fenech saħaq li ebda waħda mill-offerti ma kienet sodisfaċenti, u minkejja li ntalab li jsir re-bidding għal din il-faċilità, il-Gvern xorta ma kienx sodisfatt bil-valur miksub għall-faċilità u ddeċieda li jtemm dan il-proċess. Dwar dan il-bidders kienu infurmati.

Dwar is-shipbuidling, il-Ministru Fenech qal li barra li l-offerti huma taħt l-istennijiet, mill-offerti u l-proposti li saru jidher li hemm il-ħtieġa li terġa’ ssir valutazzjoni ta’ kif il-pajjiż jista’ jikseb l-aħjar valur minn din il-faċilità strateġika.

Tonio Fenech qal li l-General Workers’ Union kienet infurmata dwar dan kollu bil-quddiem permezz ta’ laqgħa aktar kmieni dalgħodu.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow