Left arrow Mur Lura

IL-CORE GROUP TAL-MEUSAC JIDDISKUTI L-FONDI TAL-UE GĦAL MALTA

PR0174
Date Icon 29/01/2010

Illum, il-Ġimgħa 29 ta’ Jannar 2010, saret l-ewwel laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC għall-2010.  Fuq l-aġenda għad-diskussjoni kien hemm preżentazzjoni u diskussjoni dwar il-ħidma tad-Diviżjoni għall-Ippjanar u Koordinazzjoni tal-Prijoritajiet (PPCD) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u r-rwol tagħha fejn jidħlu l-fondi tal-UE,  kif ukoll diskussjoni dwar il-Programm tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għat-18-il xahar li jmiss. Il-preżentazzjonijiet saru mis-Sinjura Marlene Bonnici, Direttur Ġenerali tal-PPCD u s-Sur Joseph Fenech, Direttur għall-Affarijiet tal-UE fil-PPCD rispettivament.  

Preżentazzjoni dwar il-ħidma tal-PPCD u l-irwol tagħha fejn jidħlu l-fondi tal-UE

Il-PPCD, li twaqqaf fl-2001, jimplimenta l-politika ta’ koeżjoni tal-UE f’Malta. Is-Sinjura Bonnici spjegat li din id-diviżjoni hija responsabbli minn persentaġġ għoli tal-fondi li ġejjin mill-UE u mill-amministrazzjoni tal-proġetti li jibbenefikaw minn fondi tal-UE. Huwa wkoll ir-responsabbiltà tal-PPCD li jikKoordina l-pożizzjoni ta’ Malta fejn tidħol il-politika ta’ koeżjoni u l-laqgħat li jsiru fuq dan is-suġġett mal-Ministeri. Spjegat fid-dettall kif il-programmi li jiġu amministrati ġew implimentati u reveduti minn meta Malta saret membru tal-UE fl-2004.  

Dawn jinkludu l-Fondi Strutturali 2004-2006, il-Fond ta’ Koeżjoni 2004-2006 u dawk ta’ bejn l-2007-2013, is-sitt programmi tal-INTERREG (2004-2006), l-EQUAL 2004-2006 u s-sitt programmi tal-European Territorial Co-Operation. Hemm ukoll il-European Globalisation Fund u s-Solidarity Fund li jintużaw biss meta l-pajjiż jintlaqat minn xi diżastru naturali. Semmiet kif, minħabba l-kriżi ekonomika, Malta waslet fi qbil mal-UE biex l-infiq tal-Fondi Strutturali 2004-2006 jiġi estiż sa Ġunju 2009. Mill-2001, il-PPCD amministra ’l fuq minn 1.3 biljun Euro. Is-Sinjura Bonnici kompliet tispjega l-ħidma ta’ kuljum tal-PPCD fl-immaniġġjar ta’ fondi, il-proċedura li tittieħed biex jintgħażlu l-proġetti, x’isir meta jintgħażlu proġetti eliġibbli, l-irwol tal-management authority li tinħatar biex tagħmel analiżi jekk proġett għandux jintgħażel jew le, u kif issir is-sistema ta’ monitoraġġ mill-PPCD ta’ dawk il-proġetti li jkunu ntgħażlu.  

Is-Sinjura Bonnici kkonkludiet il-preżentazzjoni billi qalet li l-PPCD diġà qiegħda taħdem fuq il-programmi ta’ fondi wara l-2014.  

Xi interventi li saru min-naħa tal-membri tal-Core Group kienu dwar informazzjoni li tingħata lill-entitajiet mhux governattivi li jixtiequ jibbenefikaw minn għajnuna ta’ fondi mill-UE, dwar kif il-fondi allokati għal Malta qed jiġu assorbiti, kif ukoll dwar it-time frames ta’ proġetti li jkunu ntgħażlu biex jibbenefikaw minn dawn il-fondi.   

Il-Programm tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE għat-18 –il xahar li jmiss.

Matul il-preżentazzjoni tiegħu, is-Sur Joseph Fenech tkellem dwar il-programm ta’ 18–il xahar li ġie ppreżentat mit-tliet pajjiżi membri li se jkunu qegħdin jokkupaw il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE għas-sena u nofs li ġejjin.  Huwa qal li dan il-programm huwa l-ewwel wieħed li sar minn tliet Presidenzi flimkien minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona fl-1 ta’ Diċembru 2009. Is-Sur Fenech daħal fid-dettall fuq il-prijoritajiet li se jkunu qegħdin jaħdmu fuqhom Spanja, il-Belġju u l-Ungerija biex jimxu b’mod kollettiv u b’determinazzjoni.  

Wieħed mill-għanijiet ewlenin li ssemmew fil-preżentazzjoni kien li l-UE għandha tersaq iktar qrib iċ-ċittadin u għandhom jiġu promossi politiki mmirati biex jibbenefikaw direttament minnhom iċ-ċittadini. Fil-preżentazzjoni, is-Sur Fenech spjega kif il-Gvern diġà ħa numru ta’ inizjattivi elenkati f’dan il-Programm, u jħares ’il quddiem lejn is-sehem attiv tiegħu fid-diskussjonijiet fuq it-temi msemmija. Issemmew numru ta’ punti ta’ kif se jiġu koperti s-setturi differenti skont il-Programm. Fost punti oħra huwa żied jgħid li l-Gvern jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea u l-ħidma tas-Simplification Task Force u jaqbel li x-xogħol li sar fl-2009 f’dan il-qasam għandu jitkompla anke fid-dawl tad-diskussjonijiet dwar kif għandu jkun il-qafas regolatorju wara l-2013.  

Preżenti għal-laqgħa tal-Core Group, li kienet preseduta mill-Onoreovoli Dott Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, kien hemm: Dott Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC, Dott. Godwin Grima (Segretarju Permanenti Ewlieni), l-Ambaxxatur Richard Cachia Caruana (Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea), is-Sinjorina Graziella Pullicino (A/Kap, Segretarjat UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru), Dott. Josette Grech (esperta), il-Perit Carmel Cacopardo (Alternattiva Demokratika), is-Sur Tonio Mercieca (Azzjoni Nazzjonali), is-Sur Arthur Rossi (Confederation of Malta Trade Unions), is-Sinjorina Abigail Mamo (General Retailers and Traders Union), is-Sur Tony Zarb (General Workers Union), is-Sur Joe Grech (Gozo Business Chamber), Dott. Paul De Battista (Malta Employers’ Association), Dott. Joe Mifsud (Partit Laburista), l-Onor. Dott. Francis Zammit Dimech (Partit Nazzjonalista), is-Sur Jesmond Bonello (Union Ħaddiema Magħqudin), is-Sinjura Grace Attard, is-Sur Benjamin Rizzo, is-Sur Julian Zarb (rappreżentanti tas-soċjeta’ ċivili), Dott. Diane Farrugia (Kap tal-Konsultazzjoni fil-MEUSAC u Segretarju), is-Sinjorina Maria Schembri (Kap tat-Taqsima għall-Assistenza dwar Fondi tal-UE fil-MEUSAC), is-Sur Osvalido Zammit (responsabbli mill-Informazzjoni dwar il-Programmi ta’ Fondi tal-UE fil-MEUSAC), kif ukoll xi membri sostituti u membri tal-istaff tal-MEUSAC.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow