IL-GOZO TOURISM ASSOCIATION ITTELLA’ L-ĦDAX-IL LAQGĦA ĠENERALI ANNWALI TAGĦHA
Il-Gozo Tourism Association (GTA) żammet il-ħdax-il laqgħa ġenerali annwali f’waħda mil-lukandi ewlenin f’Għawdex. Din il-laqgħa tat bidu għal sena oħra ħidma minn din l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil diversi operaturi fis-settur turistiku fil-gżira ta’ Għawdex. Serviet ukoll bħala għeluq ta’ l-ewwel għaxar snin ta’ ħidma minn meta twaqqfet din l-assoċjazzjoni.
Il-laqgħa bdiet b’diskors mis-Sur Paul Scicluna li ilu fil-kariga ta’ president tal-GTA għal dawn l-aħħar tliet snin. Wara nqraw il-minuti ta’ l-aħħar laqgħa ġenerali annwali u nqara wkoll rapport amministrattiv mis-Sur Joe Muscat, li ilu jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-GTA sa mit-twaqqif tagħha. Fid-diskorsi tagħhom irreferew għal dik li hija l-qagħda preżenti fis-settur turistiku Għawdxi.
Saret ukoll referenza għall-istaġjonalità li hija sfida partikolari għas-settur turistiku Għawdxi, filwaqt li ġiet imtennija t-talba li jerġa’ jiġi stabbilit aċċess mill-ajru għal gżira. Ġew mgħoddija numru ta’ suġġerimenti li l-iskop ewlieni tagħhom hu dak tat-tisħiħ ta’ din l-industrija tant importanti għal gżira. Ġie enfasizzat il-fatt li Għawdex hu rikonoxxut bħala destinazzjoni turistika distinta b’karatteristiċi uniċi li jagħtu identità distinta lill-gżira. Kien għalhekk li l-kelliema appellaw ukoll biex kull min hu responsabbli jaħdem sabiex il-prodott turistiku Għawdxi jiġi mħares. Dan jgħodd ukoll għal dawk li joperaw fis-settur.
Għal dan il-għan saret ukoll diskussjoni li tmexxiet mill-ġurnalist Keith Demicoli. Id-domandi kienu indirizzati lil panel magħmul minn numru ta’ Sindki li huma responsabbli minn lokalitajiet turistiċi f’Għawdex, flimkien ma’ rappreżentant tal-GTA kif ukoll mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex. Fid-diskussjoni ħareġ il-punt li l-prodott turistiku Għawdxi jinkorpora mhux biss il-wirt storiku u naturali iżda jinkludi wkoll il-livell fil-faċilitajiet u servizzi mogħtija mill-operaturi.
Saret referenza għall-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u tal-Kunsilli Lokali fil-koordinazzjoni ta’ xogħlijiet u biex kemm jista’ jkun, ħsarat jiġu rranġati mingħajr dewmien. Hu għalhekk li trid issir aktar ħidma ta’ koordinazzjoni bejn entitajiet li lkoll huma impenjati b’risq is-settur turistiku. B’hekk jiġu massimizzati r-riżorsi, filwaqt li l-ħidma tkun tista’ tħalli aktar frott.
Waqt id-diskors ta’ l-għeluq, l-Onor. Giovanna Debono esprimiet sodisfazzjon ta’ kif l-inizjattiva meħuda mill-Ministeru tagħha għaxar snin ilu swiet ta’ ġid għal dan is-settur. Matul dawn is-snin saret ħidma sfieqa li permezz tagħha żviluppa wkoll is-suq domestiku li hu ta’ sostenn għall-industrija turistika f’Għawdex speċjalment matul ix-xhur anqas popolari.
Hu għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex iddeċieda li ser isostni l-ispiża finanzjarja marbuta ma’ l-istampar ta’ pubblikazzjoni li tirreklama lil Għawdex b’mod dirett f’dan is-suq. Il-Ministru sostniet li Għawdex għandu bżonn ukoll turisti barranin u tenniet li l-Ministeru għal Għawdex huwa impenjat ukoll fil-promozzjoni ta’ Għawdex anke barra minn xtutna. Hija semmiet numru ta’ proġetti li twettqu jew sejrin jitwettqu b’risq is-settur turistiku. Fosthom irreferiet għal Istitut għal Studji Turistiċi ġdid u l-Masterplan tad-diving li kienu żewġ inizjattivi ssuġġeriti mill-GTA.
Il-laqgħa ntemmet bil-konferma tal-membri li ser jokkupaw karigi fil-Kunsill li ser ikun qed jaħdem għan-nom tal-GTA matul is-sena li ġejja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990