Left arrow Mur Lura

ID-DIPARTIMENT TAL-ARTIJIET MALTI JIDĦOL FI FTEHIM STRATEĠIKU TA’ KOOPERAZZJONI MAD-DIPARTIMENT TAL-ARTIJIET TAD-DUBAI

PR0167
Date Icon 29/01/2010

Is-Segretarju Parlamentari għall-Erarji Pubbliċi u Artijiet, l-Onor. Jason Azzopardi  fl-aħħar jiem iffirma ftehim bilaterali f’isem it-Taqsima Proprjeta’ tal-Gvern Malti mad-Dipartiment tal-Artijiet ta’ Dubai,  f’Dubai.  Dan il-ftehim jippermetti liż-żewġ naħat li jaqsmu taħriġ u informazzjoni għall-benefiċċju tat-tnejn. 

Dan il-ftehim internazzjonali ta’ 12-il xahar, huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu li d-Dipartiment tal-Artijiet ta’ Malta qed jagħmel, u huwa maħsub biex jagħti lid-dipartiment kuntatt aqwa ma’ reġistri tal-artijiet ewlenin dinjija. 

Il-ftehim jippermetti konsultazzjoni wiesgħa miż-żewġ naħat, dwar firxa ta’ suġġetti tekniċi relatati mal-aspetti tar-reġistrazzjoni tal-proprjeta’ u r-regolamentazzjoni.

Jason Azzopardi iffirma l-ftehim f’isem il-Gvern Malti fil-preżenza tal-Konslu Ġenerali għal Malta f’Dubai, is-Sur Anthony Tabone.  F’isem id-Dipartiment tal-Artijiet ta’ Dubai, iffirma l-E. T. Sultan Bin Butti Bin Mejren.   

Jason Azzopardi qal li  “Dan l-ewwel ftehim internazzjonali min-naħa tad-Dipartiment tal-Artijiet Malti jimmarka l-bidu ta’ kapitlu ġdid.  Id-Dipartiment tal-Artijiet tagħna illum qed jidħol fix-xena tal-proprjeta’ internazzjonali.  Minn dan ser jibbenefika għax ser ikun iktar espost għal prattiċi u sistemi minn kultura differenti.” 

“Fix-xhur li għaddew, flimkien mal-imsieħba tagħna fid-Dubai, identifikajna benefiċċji potenzjali u interessi reċiproki.”  Is-Segretarju Parlamentari sostna li “aħna ninsabu kunfidenti li din l-inizjattiva ser ikollha impatt pożittiv fuq ir-reġistrazzjoni u r-regolamentazzjoni tal-proprjeta’ fiż-żewġ pajjiżi. Malta hija lesta li tikkapitalizza minn din l-opportunita’ biex taqsam ħiliet fuq it-teknoloġija tal-informatika u t-tmexxija tal-proprjeta’. Is-settur tal-Art pubblika, u l-amministrazzjoni tagħha f’pajjiżna jmorru lura s-snin, pero’ xorta waħda jibqa’ miftuħ għall-bidliet neċessarji, u l-isfidi tal-mument.  Dan il-ftehim ser jissarraf f’mutur li ser joħodna għal futur interessanti.” 

L-E.T. Sultan Bin Butti irrimarka li  “Dan l-ewwel pass huwa wieħed ta’ importanza għad-Dipartiment tal-Artijiet.  Nilqgħu din l-opportunita’ li nissieħbu mal-Gvern Malti li jaqsam magħna impenn fit-tmexxija tal-proprjeta’, proċeduri ta’ reġistrazzjoni sodi, u qafas regolatorju aċċessibbli, ibbażat fuq prattiċi professjonali tajbin. It-tnejn naqblu li huwa ta’ benefiċċju, fil-ġurisdizzjoni rispettiva tagħna, li jkollna laqgħat ta’ konsultazzjoni, biex naqsmu ideat u ħiliet fejn ikun hemm interess reċiproku.  Ninsabu impenjati li nsaħħu l-livell ta’ kooperazzjoni u ftehim bejnietna.” 

Il-Konslu Ġenerali għal Malta fid-Dubai Anthony Tabone qal li “L-iffirmar ta’ dan il-ftehim jimmarka pass ieħor lejn servizz dejjem aħjar fis-settur tal-proprjeta’.  Fid-dawl ta’ relazzjonijiet dejjem iżjed jikbru bejn Malta u Dubai, ftehim li jilħaq għanijiet komuni f’dik li hija regolamentazzjoni dwar proprjeta’, kien inevitabbli.  Din l-inizjattiva turi l-impenn enormi ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi lejn prattiċi internazzjonali sodi.”

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow