APPOĠĠ TAL-KUMMISSJONI EWROPEA GĦALL-ĦIDMA TAL-GVERN FAVUR L-ISTABBILITÀ TAL-EKONOMIJA U L-ĦOLQIEN TAL-IMPJIEGI
Il-Gvern jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrakkomanda li tkun posposta b’sena d-data li fiha Malta tkun mistennija tilħaq il-miri stabbiliti mill-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir fir-rigward tad-defiċit minħabba l-impatt taċ-ċirkostanzi ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea nnutat li Malta kienet ħadet azzjoni effettiva biex tikkoreġi dan l-iżbilanċ iżda rrikonoxxiet li l-impatt tal-kriżi ekonomika globali kien aktar milli kien mistenni aktar kmieni s-sena li għaddiet, anke skond il-previżjonijiet tagħha stess.
B’reazzjoni għal din l-aħbar, il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech saħaq li “din id-deċiżjoni tikkonferma l-għaqal u r-responsabbiltà tal-Gvern li poġġa tul l-2008 u l-2009 bħala l-akbar priorità l-istabbilità ekonomika u l-postijiet tax-xogħol tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Minkejja li jibqa’ jinsisti fuq l-importanza tas-sostenibbiltà tal-finanzi tal-pajjiż, il-Gvern huwa mpenjat li juża u se jkompli juża r-riżorsi kollha disponibbli lilu biex jissalvagwardja l-postijiet tax-xogħol eżistenti u jkompli jattira l-investiment biex joħloq impjiegi ġodda.”
Matul is-sena 2009, il-Gvern wieġeb għas-sejħa tal-European Economic Recovery Plan b’miżuri ta’ appoġġ għall-ekonomija li l-Kummissjoni Ewropea ddeskriviet dawn l-istess miżuri bħala adegwati. Dan qed iħalli r-riżultati hekk kif statistika ppubblikata fil-bidu ta’ din is-sena mill-Eurostat, turi li Malta kellha t-tielet l-iżgħar żieda fil-qgħad minn fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li r-rati tal-iżbilanċ f’numru ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, jeċċedu ferm aktar dak imbassar għall-pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990