WIRJA TA’ FOTOGRAFIJA ‘MARSALFORN MAL-MEDDA TAŻ-ŻMIEN’
Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor Chris Said, fetaħ esebizzjoni ta’ fotografija ’Marsalforn mal-medda taż-Żminijiet’, li inawgurat festival ta’ 3 ijiem – ’Festa San Pawl, Arti, Fidi u Kultura’ fil-lokalità ta’ Marsalforn f’Għawdex. Dan il-festival organizzat mill-Kunsilli Lokali tax-Xagħra u ż-Żebbuġ Għawdex, sar fi tmiem il-ġimgħa.
Din il-wirja tesponi ’il fuq minn 70 ritratt antik ta’ Marsalforn u kif dan il-villaġġ pittoresk marbut tradizzjonalment mas-sajjieda, nbidel mal-medda taż-żmien għal kif nafuħ illum.
Il-festival ta’ arti, fidi u kultura ttella’ għat-tieni sena konsekuttiva u huwa wieħed minn dawk l-attivitajiet li bbenefikaw mill-iskema ta’ fondi speċjali għal attivitajiet kulturali, mnedija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni u l-Malta Tourism Authority.
Il-programm inkluda diversi ċelebrazzjonijiet marbuta mal-festa tal-konverżjoni ta’ San Pawl li għaliha hija ddedikata l-kappella ta’ Marsalforn. Dawn kienu jinkludu marċi mill-baned Victory tax-Xagħra u Santa Marija taż-Żebbuġ, festival ta’ korijiet, mixgħela fuq il-Qolla s-Safra u kunċert pop.
Chris Said faħħar l-inizjattiva taż-żewġ Kunsilli Lokali biex jaħdmu flimkien, b’attività li tagħti ħajja lil Marsalforn fix-xhur tax-xitwa. Hu ħeġġeġ liż-żewġ Kunsilli Lokali biex jibqgħu jaħdmu flimkien ħalli jkomplu jġibu ‘l quddiem il-lokalità ta’ Marsalforn u qal li Kunsilli Lokali oħra li huma ġeografikament viċin xulxin, għandhom isegwu dan l-eżempju ħalli x-xogħol u l-prodott tagħhom ikun dejjem ta’ livell ogħla.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990