Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, KULTURA, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT

PR0138
Date Icon 25/01/2010

L-MUT tordna azzjonijiet li jolqtu ħażin lit-tfal

Il-Malta Union of Teachers ħarġet direttivi ta’ azzjonijiet industrjali lill-membri tagħha minkejja li taf li l-Gvern se jiltaqa’ mal-unions kollha nhar il-Ġimgħa li ġej biex jiddiskuti l-eżerċizzju  li sar fuq ftehim settorjali ta’ gradi differenti ta’ impjegati tiegħu. 

Dan barra li l-Gvern offra wkoll lill-MUT li jibda taħditiet magħha bl-iskop li jerġgħu jinfetħu n-negozjati dwar il-Ftehim tal-2007. Din kienet ir-reazjoni pożittiva tal-Gvern għal proposta li għamlet l-union stess. Iżda minkejja dan, l-union xorta waħda dehrilha li kellha tordna azzjonijiet industrjali. 

Kif kien wiegħed li jagħmel ftit taż-żmien ilu, l-Gvern lesta eżerċizzju li sar biex jeżamina bir-reqqa s-sitwazzjoni tal-gradi kollha tal-għalliema kif ukoll ta’ professjonisti u ħaddiema oħra fis-settur pubbliku u ltaqa’ mal-MUT dwar dan l-eżerċizzju. 

Minkejja dan kollu, l-MUT dehrilha li għandha ssejjaħ azzjonijiet industrjali mill-membri tagħha. Il-Gvern iħoss li l-pubbliku għandu jkun infurmat bil-mod kif tjiebu s-salarji u l-allowances tal-għalliema f’dawn l-aħħar ħames snin u qed jagħmel dan bla ma jnaqqas l-ebda mertu li għandhom l-għalliema. 

Għalliema li kienu fl-impjieg fl-2005 kienu jieħdu medja ta’ salarju u allowances id-dar tagħhom ta’ €15,720, li żdiedet għal:

  • €16,428 fl-2006;
  • €17,499 fl-2007;
  • €18,836 fl-2008;
  • €20,192 fl-2009 u
  • €22,027 din is-sena.

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment huma tal-fehma li hemm karigi, bħal dawk ta’ Kap ta’ Skola u Assistent Kap, li d-dħul tagħhom jixraq li jkun rivedut biex żgur jirrifletti aħjar ir-responsabbiltajiet tagħhom. 

Fost direttivi oħra li l-MUT tat lill-membri tagħha, wieħed jinnota li l-Kindergarten Assistants, il-Learning Support Assistants u l-gradi kollha tal-għalliema għandhom jieqfu milli jaħslu u jnaddfu ġugarelli u materjal ieħor li bih jilagħbu t-tfal fil-klassijiet, minkejja l-fatt li matul din is-sena skolastika kienet qed issir enfasi qawwija fuq dan it-tindif, biex ikun evitat il-periklu ta’ tixrid tal-mikrobu tal-influwenza A H1N1. 

Direttiva oħra ngħatat lil Learning Support Assistants biex ma jwasslux lil studenti għal sessjonijiet ta’ terapija li jkollhom bżonn jew jekk ikollhom għalfejn imorru l-isptar. 

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport jinnota b’dispjaċir li dawn id-direttivi se jolqtu lill-istudenti u jistgħu jipperikolaw is-saħħa tat-tfal tagħna. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow