STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, KULTURA, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT
L-MUT tordna azzjonijiet li jolqtu ħażin lit-tfal
Il-Malta Union of Teachers ħarġet direttivi ta’ azzjonijiet industrjali lill-membri tagħha minkejja li taf li l-Gvern se jiltaqa’ mal-unions kollha nhar il-Ġimgħa li ġej biex jiddiskuti l-eżerċizzju li sar fuq ftehim settorjali ta’ gradi differenti ta’ impjegati tiegħu.
Dan barra li l-Gvern offra wkoll lill-MUT li jibda taħditiet magħha bl-iskop li jerġgħu jinfetħu n-negozjati dwar il-Ftehim tal-2007. Din kienet ir-reazjoni pożittiva tal-Gvern għal proposta li għamlet l-union stess. Iżda minkejja dan, l-union xorta waħda dehrilha li kellha tordna azzjonijiet industrjali.
Kif kien wiegħed li jagħmel ftit taż-żmien ilu, l-Gvern lesta eżerċizzju li sar biex jeżamina bir-reqqa s-sitwazzjoni tal-gradi kollha tal-għalliema kif ukoll ta’ professjonisti u ħaddiema oħra fis-settur pubbliku u ltaqa’ mal-MUT dwar dan l-eżerċizzju.
Minkejja dan kollu, l-MUT dehrilha li għandha ssejjaħ azzjonijiet industrjali mill-membri tagħha. Il-Gvern iħoss li l-pubbliku għandu jkun infurmat bil-mod kif tjiebu s-salarji u l-allowances tal-għalliema f’dawn l-aħħar ħames snin u qed jagħmel dan bla ma jnaqqas l-ebda mertu li għandhom l-għalliema.
Għalliema li kienu fl-impjieg fl-2005 kienu jieħdu medja ta’ salarju u allowances id-dar tagħhom ta’ €15,720, li żdiedet għal:
- €16,428 fl-2006;
- €17,499 fl-2007;
- €18,836 fl-2008;
- €20,192 fl-2009 u
- €22,027 din is-sena.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment huma tal-fehma li hemm karigi, bħal dawk ta’ Kap ta’ Skola u Assistent Kap, li d-dħul tagħhom jixraq li jkun rivedut biex żgur jirrifletti aħjar ir-responsabbiltajiet tagħhom.
Fost direttivi oħra li l-MUT tat lill-membri tagħha, wieħed jinnota li l-Kindergarten Assistants, il-Learning Support Assistants u l-gradi kollha tal-għalliema għandhom jieqfu milli jaħslu u jnaddfu ġugarelli u materjal ieħor li bih jilagħbu t-tfal fil-klassijiet, minkejja l-fatt li matul din is-sena skolastika kienet qed issir enfasi qawwija fuq dan it-tindif, biex ikun evitat il-periklu ta’ tixrid tal-mikrobu tal-influwenza A H1N1.
Direttiva oħra ngħatat lil Learning Support Assistants biex ma jwasslux lil studenti għal sessjonijiet ta’ terapija li jkollhom bżonn jew jekk ikollhom għalfejn imorru l-isptar.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport jinnota b’dispjaċir li dawn id-direttivi se jolqtu lill-istudenti u jistgħu jipperikolaw is-saħħa tat-tfal tagħna.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990