Left arrow Go Back

IL-KUNSILL LOKALI TA’ Ħ’ATTARD JINSTALLA PANELLI SOLARI U FOTOVOLTAJIĊI FUQ L-ISKOLA PRIMARJA TAL-LOKALITA’

PR0136
Date Icon 25/01/2010

Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor. Chris Said, dalgħodu żar l-Iskola Primarja Tumas Dingli f’Ħ’Attard, b’konnessjoni ma’ stallazzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard ta’ sistema solari u pannelli fotovoltajiċi fuq il-bejt tal-iskola. Il-flus iffrankati mill-konsum tad-dawl ser jiġu nvestiti f’kotba għal-librerija tal-iskola.  

Dan l-apparat qed jitwaħħal grazzi għall-iskema ta’ enerġija li s-Segretarjat Parlamentari kien nieda s-sena l-oħra għall-Kunsilli Lokali, li minnha kien ibbenefika l-Kunsill ta’ Ħ’Attard flimkien ma’ 43 Kunsill Lokali ieħor biex jieħdu inizjattivi li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija.  

Chris Said stqarr li peress li din l-iskema ta’ fondi speċjali kienet suċċess, reġgħet ġiet imnedija mill-ġdid għal din is-sena, b’fond ta’ €300,000. L-għan prinċipali ta’ din l-iskema hu li permezz tagħha, numru ta’ Kunsilli Lokali jidħlu għal inizjattivi favur użu anqas ta’ enerġija u ġenerazzjoni ta’ enerġija minn sorsi nodfa.  Dawn huma wkoll meqjusa bħala miżuri konkreti favur żvilupp sostenibbli fil-lokalitajiet tagħna. 

Dawn l-inizjattivi mhux biss igħinu lill-Kunsilli Lokali jiffrankaw mill-kontijiet tal-enerġija  u jużaw il-flus iffrankati fuq inizjattivi oħra, iżda wkoll għandhom iservu ta’ eżempju   għar-residenti kollha tal-lokalità u jgħinu biex l-istess residenti jieħdu huma wkoll inizjattivi simili.  Għalhekk fit-twettiq tal-proġett, il-Kunsill għandu wkoll jaħseb biex jinforma u jeduka lir-residenti fuq dan l-aspett. 

Chris Said stqarr li l-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard hu ta’ eżempju f’dan ir-rigward għax qed jaħdem direttament mal-iskola primarja tal-lokalità u mal-istudenti. Infatti waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Kunsill rebaħ l-ewwel premju tal-Green Challenge Award ftit tal-ġimgħat ilu kien minħabba dan il-fatt ta’ kollaborazzjoni mar-residenti biex iwassal il-messaġġ tiegħu għal ambjent aħjar fil-lokalità ta’ Ħ’Attard, kompla jgħid Chris Said. 

L-€40,000 li rebaħ il-Kunsill permezz ta’ dan l-unur se jerġgħu imorru lura għand il-komunità fi proġett ġdid tal-Kunsill. Dan hu proġett ta’ tisbiħ fil-Ġnien ta’ Ħal Warda, fejn hemm il-pjan li jiġi rranġat u jinbidel f’open air gym. Bħalissa għaddej ix-xogħol preparatorju biex isir dan il-proġett.  

Waqt l-attività mal-istudenti s-Segretarju Parlamentari għamel referenza wkoll għall-fatt li l-Kunsilli Lokali ser jiġu mgħejjuna u mħeġġa biex jitħawlu madwar 4,000 siġra fil-lokalitajiet kollha. Din hi waħda mill-24 skemi ta’ għajnuna għall-Kunsilli Lokali għall-2010.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow