IL-PRESIDENT U S-SINJURA ABELA FI ŻJARA UFFIĊJALI FL-IMQABBA
“Il-Kultura, l-Isports, il-komunita’ nisranija u kull persuna li tgħix fir-raħal, flimkien mal-ħidma tal-Kunsill Lokali huma ingredjtni importanti fir-raħal li, fiċ-ċokon tiegħu jirrifletti fuq livell nazzjonali u jagħmel in-nazzjon tagħna dak li hu, bil-karateristiċi ewlenin tiegħu” – Dan qalu l-President George Abela meta dalgħodu żar ir-raħal tal-Imqabba.
Il-President Abela b’hekk ta bidu għal żjarat uffiċjali fl-irħula u l-ibliet ta’ Malta u Għawdex. Din toffri opportunita’ sabiex il-President jiltaqa’ iktar mill-qrib mal-poplu malti.
Il-President u s-Sinjura Abela dalgħodu ħadu sehem fil-quddiesa fil-parroċċa u wara iltaqgħu mar-residenti tal-lokal fuq iz-zuntier għal kikkra kafe u pastizzi, drawwa tradizzjonali Maltija li kienet miżmuma fil-passat. Żaru ikoll lil Ġiużeppe Ghigo li ser jagħlaq 80 sena fil-ġimgħat li ġejjin. Kien postman fil-passat u l-ikbar delizju tiegħu huwa dak tal-logħob tan-nar tant li fil-passat kien jgħin ħafna fil-manifattura tiegħu. Meta ltaqa` mal-President u s-Sinjura Abela irrankonta xi episodji minn żmien il-gwerra.
Il-President Abela akkumpanjat mis-Sindku Noel Galea, iltaqa’ maċ-ċkejknin tal-Mqabba Football Nursery waqt it-taħriġ tagħhom. Hawnhekk kien ippreżentat b’donazzjoni b’risq il-Malta Community Chest Fund, ġest li kien ferm apprezzat mill-President u faħħar is-solidarjeta’ tat-tfal żgħar u l-ġenituri tagħhom ma oħrajn fil-bżonn, speċjalment fil-ġurnata tal-lum li hija Jum il-Karita’.
Il-President żar ukoll il-każini tal-Banda tas-Soċejta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju u l-Każin tas-Society of St Mary & King George V Band Club. Is-Sinjura Abela żaret esibizzjoni b’artiġjant Malti li saret f’Binja l-Isptar il-Qadim.
Iż-żjara spiċċat fil-bini tal-Kunsill Lokali fejn il-President tenna li kien il-pjaċir tiegħu iżur u ikun jaf iktar mill-qrib il-lokalita’ tal-Imqabba,. Esprima ukoll l-apprezzament tiegħu għal mod kif hu u s-Sinjura Abela kienu milqugħin f’dan ir-raħal ċkejken iżda b’qalb kbira u awgura suċċess u iktar ħidma fejjieda lis-Sindku u l-Kunsilliera kollha.Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990