STQARRIJA MEHMUŻA TAL-MINISTERU TA' L-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMMUNIKAZZJONI BI TWEĠIBA GĦAL DAK LI QAL DALGĦODU IL-KAP TAL-OPPOŻIZZJONI DR JOSEPH MUSCAT, DWAR L-AĦĦAR ŻVILUPPI FIL-KONFRONT TAS-SIDIEN TAL-KAROZZI TAL-LINJA.
Joseph Muscat huwa skorrett ma jgħid li ma saritx konsultazzjoni ma’ dawk li jirrappreżentaw lis-sidien tal-karozzi tal-linja.
Il-fatti huma li saru diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni u skambju twil ta’ korrispondenza mal-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku. Lanqas mhu minnu li l-Gvern qed jimponi konklużjoni għal dawn it-taħditiet. Il-Gvern qed jinforma lis-sidien li jekk iridu impjieg garantit għall-ghaxar snin li ġejjin u jbiegħu il-karozzi tagħhom biex dawk minnhom ġodda jibqgħu jintużaw fis-servizz, dan jistgħu jagħmluh biss jekk jiddikjaraw l-interess tagħhom qabel jagħlaq iż-żmien għall-kjarifiki fit-tender għas-servizz il-ġdid.
Il-Gvern jista’ jagħmel din l-offerta biss jekk ikollu deċiżjoni finali min-naħa tas-sidien sa nhar l-Erbgħa li ġej.
Dan mhux xi ultimatum li tfaċċa bħal sajjetta fil-bnazzi. L-ATP ilha taf dan għal dawn l-aħħar erba’ xhur b’din l-iskadenza u dejjem żammet mistura d-dettalji tad-diskussjonijiet mal-Gvern mill-membri tagħha. Il-Kumitat tal-ATP jaf ukoll għax diversi membri tiegħu huma kopetituri fit-tender għas-servizz il-ġdid u ironikament huma stess qed jistennew sa nhar il-Ġimgħa l-informazzjoni li l-Gvern talab lis-sidien.
Kien għalhekk li l-Gvern ħass li għandu jinforma lis-sidien kollha personalment u b’hekk ma jitilfux l-opportunità li għandhom – dik ta’ għaxar snin garanzija ta’ xogħol mal-operatur il-ġdid u li jieħdu kumpens għat-trakkijiet tagħom.
Joseph Muscat, bħalma jagħmel dejjem, ipprova jitfa’ dell ikrah fuq il-Gvern iżda mkien ma rrealizza li l-Gvern ta d-dettalji kollha ta’ l-offerta tiegħu minn jiem qabel u b’hekk ma jintilfux opportunitajiet bla bżonn.
Meta kien qed jitkellem f’San Gwann, Joseph Muscat, naqas milli juri serjetà fil-politika tiegħu u ipprova jitfa’ t-tajn fuq proċess ta’ riforma li taqbel miegħu l-maġġoranza tal-pubbliku Malti.
Bilfors trid issir il-mistoqsija jekk Joseph Muscat hux qed jippretendi li l-Gvern jissospendi t-tender għar-riforma fit-trasport pubbliku sakemm l-ATP tiddeċiedi li hi kuntenta b’kemm qed joffrilha f’kumpens il-Gvern. Dan ikun aġir irresponsabbli li l-konsegwenza tiegħu tkun postponiment indefinit ta’ riforma fit-trasport pubbliku li jeħtieġha l-pajjiż kollu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990