DISKORS TAL-ONOR. JOHN DALLI, MINISTRU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI WAQT IL-KONFERENZA NAZZJONALI DWAR IL-FAMILJA, NEW DOLMEN HOTEL, QAWRA - IL-ĠIMGĦA, 22 TA’ JANNAR 2010
Mr Speaker, Onorevoli Membri Parlamentari
Il-familja, il-bieraħ, illum u għada, kienet għadha u tibqa s-sies tas-soċjeta’ Maltija. Kienet għadha u tibqa’ ċ-ċellulla li tmantni s-soċjeta’ u l-istituzzjoni li tibni lill-pajjiżna.
Għalhekk hu d-dmir tagħna bħala Gvern u d-dmir tas-soċjeta’ kollha li f’dak kollu li nagħmlu, kull dettall tal-politika li noħolqu u nattwaw, tkun indirizzata biex insaħħu l-familja.
Mill-ħamsinijiet ’l hawn, ir-rata li biha qed tinbidel il-familja Maltija u l-familja fl-Ewropa żdiedet. Il-kuntest li fih qed tiżviluppa l-familja qed jinbidel ukoll u dan qed iġib miegħu sfidi ġodda li jġibu magħhom bżonnijiet speċifiċi.
Fost it-tibdil wieħed jista’ jinnota li:
· Qed jitwieldu anqas tfal
· Qed jitwieldu aktar tfal barra ż-żwieġ
· Il-koppji qed idumu aktar biex jibda jkollhom it-tfal
· Qed jinfirdu aktar familji
· Qed ikun hemm aktar tfal imrobbija minn ġenitur wieħed
· Hemm aktar ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.
Dan it-tibdil qed ikollu effett fuq it-trobbija tat-tfal u fuq il-ħajja li qed jgħixu fiha t-tfal tagħna. Malta minn dejjem kienet kburija bil-familji sodi u responsabbli li wettqu dmirijiethom lejn il-membri vulnerabbli tal-familji bħat-tfal u l-anzjani, u dan il-gvern iħossu responsabbli li jwettaq dak li hemm bżonn biex il-familji tagħna jkunu jistgħu jkomplu r-rwol importanti tagħhom fis-soċjeta’.
Illum qed jinħolqu forom ta’ relazzjonijiet. Nemmen li l-Gvern għandu l-obbligu li jħares l-interessi ta’ kull ċittadin f’pajjiżna u għandu jibni dawk l-istrutturi civili biex jassigura li r-responsabbiltajiet li ċ-ċittadini jassumu bejniethom jiġu onorati u biex jassigura wkoll li kulħadd jidħol fil-qafas ta’ infrastruttura soċjali li bnejna u li se nkomplu nibnu f’pajjiżna.
Jiena nemmen li flimkien, aħna nistgħu naffaċjaw l-isfidi li ġejjin mit-tibdil li għaddejja minnu l-familja. Illum, nixtieq nerġa nappella għal sforz ġenwin u qawwi bejn il-forzi politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha biex il-familja f’pajjiżna tkompli tissaħħaħ billi nagħmlu għażliet responsabbli li jħarsu lejn il-ġejjieni tal-familji tagħna.
Waħda mill-isfidi ewlenin hija li l-familja tkompli taqdi b’mod sħiħ ir-rwol tagħha fis-soċjeta’ u fl-istess ħin tlaħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja. L-isfida mhix waħda ekonomika biss imma hija relatata mad-diffikulta tal-bilanċ bejn familja u xogħol. Din il-kwistjoni ta’ bilanċ ma tikkonċernax biss lill-mara li taħdem iżda tikkonċerna l-irġiel ukoll. Aħna nemmnu fil-valuri tax-xogħol u tal-edukazzjoni li jistgħu jwasslu li l-familji jkunu jistgħu jipprovdu huma stess għall-bżonnijiet tagħhom.
Il-familja dejjem kienet in-nieqa tat-trobbija u l-formazzjoni ta’ uliedna. Għalhekk:
Irridu nsaħħu l-familja fejn ġenituri, bil-kwalitajiet differenti imma kumplimentari tagħhom joffru l-aqwa ambjent li fih it-tfal tagħhom ikunu jistgħu jikbru u jgħarrfu lilhom infushom.
Irridu nagħtu sostenn sħiħ lill-familji fejn ġenitur wieħed qed jerfa r-responsabbilta’ ta’ tnejn.
Irridu nerġgħu nibdew insaħħu r-rabta inter-ġenerazzjonali tal-familji.
Jiena nifhem illi f’dawn il-jumejn tal-konferenza se jqumu diversi opinjonijiet minn persuni diversi u nawgura li permezz ta’ din il-konferenza nifhmu sew xi tfisser din l-istituzzjoni għas-soċjeta’ tagħna u naraw x’nistgħu nagħmlu aktar biex inkomplu nsaħħuha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990