KAMPANJA TA’ TINDIF F’INĦAWI RURALI F’GĦAWDEX
Il-Ministeru għal Għawdex nieda kampanja ta’ tindif f’inħawi rurali tal-gżira ta’ Għawdex. Ix-xogħol qiegħed isir matul ir-rotot ta’ mixjiet fil-kampanja li kienu ġew stabiliti xi snin ilu mill-istess Ministeru b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Waqt żjara li għamlet f’wieħed mis-siti li qed jiġu mnaddfa, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor Giovanna Debono spjegat kif inħasset il-ħtieġa li jerġgħu jiġu ristabiliti dawn il-mixjiet minħabba ħsara li saret matul dawn ir-rotot, kemm b’effett tal-elementi naturali kif ukoll permezz ta’ atti vandali.
Il-programm ta’ tindif ta’ dawn il-mixjiet jinkludi ġbir ta’ skart u materjal ieħor li jinkludi wkoll skart ta’ kostruzzjoni mormi irregolarment f’dawn l-inħawi. Barra minhekk ser issir ħidma koordinata mit-taqsima tal-indafa pubblika fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, li permezz tagħha ser jiġi assigurat li dawn ir-rotot jinżammu f’kundizzjoni tajba ladarba dawn jiġu mnaddfa.
L-inħawi li ser jiġu koperti mill-programm ta’ tindif jinkludu dawk ta’ Daħlet Qorrot f’mixja li tieħu minn Triq San Blas fin-Nadur sal-Qala. Mixja oħra hija dik fl-inħawi ta’ Wied Binġemma sar-Ramla, fuq ix-xaqliba l-oħra tan-Nadur u fil-limiti tax-Xagħra. Il-mixjiet fl-inħawi tal-fanal ta’ Ġordan u l-oħra fl-inħawi tas-salini fin-naħa tal-punent tal-gżira, huma mistennija li jġibu fi tmiemu l-programm ta’ tindif f’dawn il-mixjiet. Qed isir dak kollu possibli biex dawn l-inħawi jitnaddfu u jiġu ristabiliti fi żmien qasir, anke fir-rigward tal-fatt li mixjiet fil-kampanja huma waħda mill-attrazzjonijiet l-aktar popolari ma’ dawk li jżuru l-gżira ta’ Għawdex f’dan iż-żmien tas-sena.
L-Onor Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, spjegat kif dan il-programm ta’ tindif qiegħed jiġi koordinat permezz ta’ ħaddiema u makkinarju tal-Ministeru għal Għawdex. Hija esprimiet is-sodisfazzjon għal mod ta’ kif sar ix-xogħol sa issa u fissret l-importanza ta’ din l-inizjattiva anke fir-rigward tal-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex marbuta mal-viżjoni eko-Għawdex. L-Onor Debono ikkundannat atti vandali li ġew rappurtati mill-ħaddiema f’dawn is-siti u fissret il-ħtieġa ta’ aktar impenn u żieda fl-għarfien b’risq l-ambjent rurali tal-gżira mill-pubbliku ġenerali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990