STUDJU FUQ PLAYING FIELDS PUBBLIĊI SABIEX TITJIEB IS-SIGURTÀ GĦAT-TFAL LI JUŻAWHOM
Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor. Chris Said, ħabbar li nħareġ tender sabiex ikun jista’ jinħadem rapport komprensiv dwar safety standards tal-playing fields pubbliċi. Dan qalu waqt żjara fil-playing field tal-Mdina. B’kollox hemm total ta’ 152 playing fields pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex.
L-Att dwar Kunsilli Lokali jistipula li ż-żamma u l-manutenzjoni tal-playing fields pubbliċi hija r-responsabbiltà diretta tal-Kunsilli Lokali. Fl-aħħar snin saru ħafna xogħlijiet mill-Kunsilli Lokali fil-playing fields mifruxa madwar Malta u Għawdex bir-riżultat li llum għandna postijiet ferm aħjar fejn jilagħbu t-tfal u jgħaddu ħin ta’ mistrieħ mal-familja tagħhom. Barra li saru xogħlijiet ta’ upgrading fuq dawk il-playing fields eżistenti, inbnew oħrajn ġodda f’lokalitajiet li ma kellhomx. Dan jirriżulta mir-rapporti li jsiru perjodikament mill-uffiċjali tal-Field Services Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Chris Said kompla jgħid li minkejja dan, hemm lok għal titjib speċjalment fejn għandu x’jaqsam ma’ sigurtà u tneħħija ta’ ċerti perikli minn dawn il-positjiet tant imfittxija mit-tfal. Dan ukoll biex ikun assigurat li jekk jista’ jkun jiġu eliminati l-inċidenti f’dawn il-postijiet pubbliċi li fihom jilagħbu t-tfal.
Għal dan il-għan fid-diskors tal-Budget għas-sena 2010 tħabbar li ser isir risk assessment ta’ dawn il-postijiet kollha. Immedjatament wara l-Budget, id-Dipartiment tal-Gvern Lokali ħareġ sejħa għall-offerti sabiex isir Inspection Report dwar l-istat tal-playing fields.
Is-Segretarju Parlamentari stqarr li b’hekk ser ikollna rapport magħmul minn esperti f’dan il-qasam dwar il-playing fields kollha, liema rapport ser jindika xi nuqqasijiet li jista’ jkun hemm u kif dawn jistgħu jiġu rmedjati. Dan ikun iservi ta’ bażi għall-ħidma li trid issir mill-kunsilli lokali biex jitranġaw l-istat tal-playing fields li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tagħhom.
”Il-Gvern qed ikun ta’ sostenn għall-kunsilli lokali billi qed jagħtihom l-għajnuna kollha possibbli billi jiffaċilitalhom ix-xogħol tagħhom u qed ilestilhom l-istudju dwar il-qagħda preżenti tal-playing fields. Xħin dan ir-rapport ikun lest, il-partijiet tar-rapport li jikkonċernaw lil-lokalitajiet ser jiġu mgħoddija lill-Kunsilli Lokali biex ikunu jistgħu jieħdu l-passi kollha meħtieġa fl-iqsar żmien possibbli”.
Il-Gvern ħaseb ukoll li joħloq skema ta’ għajnuna finanzjarja għal dawk il-kunsilli lokali li jkollhom xogħlijiet estensivi sabiex jirranġaw il-post rikreattiv għat-tfal fil-lokalitajiet tagħhom. Din hija waħda mill-24 skema mnedija għall-kunsilli lokali għal din is-sena, kkonkluda Chris Said.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990