TQASSIM TA’ FLUS MILL-FOND TAL-ARTI
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport, l-Onor. Dolores Cristina u l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, l-Onor. Tonio Fenech dal-għodu qassmu għall-ewwel darba flus mill-Fond tal-Arti lil 20 artisti li ssottomettew proġetti biex ikunu megħjuna minn dan il-Fond. F’diskors tal-okkażjoni, l-Ministru Cristina fakkret li f’Awissu li għadda tnieda l-Fond tal-Arti. “Ħames xhur wara qegħdin nagħtu l-ewwel għajnuna minn dan il-Fond għal 20 proġett li minnhom se jibbenefikaw mhux biss l-artisti li applikaw, imma ħafna aktar nies li se jibbenefikaw b’mod dirett jew indirett minn dawn il-proġetti.”
Ma hemm ebda dubju li f’dawn l-aħħar żewġ Budgets, l-impenn tal-Gvern favur il-Kultura kiber sew. Tħabbru numru ta’ inċentivi fiskali maħsuba biex jgħinu lill-artist Malti, kienu vvutati aktar flus u tnedew ukoll skemi ta’ għajnuna finanzjarja lill-artisti bħalma hu l-Fond tal-Arti li l-lum hi l-ewwel darba li qed jitqassmu flus minnu. Il-Ministru qalet li dawn jinkludu aktar minn tmien miżuri ta’ benefiċċju għall-artisti u kittieba, li dawk involuti f’dan il-qasam jagħmlu sew jekk iħarsu lejhom u jaraw kif jistgħu jibbenefikaw minnhom.
Il-Gvern hu determinat li jkompli f’din it-triq. Fi ftit jiem oħra se titħabbar skema ta’ Boroż ta’ Studju għal min irid ikompli jistudja u jispeċjalizza f’xi qasam artistiku. U biex kollox jintrabat f’qafas sħiħ, se jitnieda għal konsultazzjoni pubblika, dokument ta’ Politika Kulturali Nazzjonali. Din tal-lum hi okkażjoni ta’ ferħ u ta’ ċelebrazzjoni. Irridu niċċelebraw ma’ dawn l-artisti, fil-parti l-kbira tagħhom żgħażagħ, għaliex il-proġetti li ssottomettew juru l-kapaċita’ artistika u l-ħila kreattiva tat-talent Malti.
Il-Fond qed jgħin proġetti fil-qasam tal-arti, mużika, drama, kitba, żfin, esibizzjonijiet, folklor, teatru għal persuni b’diżabilita’, films, każini tal-baned, danza, letteratura għat-tfal, festivals u tagħlim tal-mużika. Dawn huma proġetti li barra li juru l-ħila tal-artisti Maltin għandhom ukoll il-kapaċita’ li jressqu udjenzi ġodda lejn forom diversi ta’ attivita’ kulturali. Ħafna mill-proġetti, barra l-valur artistiku fihom ukoll valur kreattiv.
Il-kreattivita’ għandha valur kemm kulturali kif ukoll ekonomiku u l-Gvern hu kommess li jagħti spinta kbira biex tkun żviluppata l-Industrja tal-Kreattivita’ f’pajjiżna. Dan kollu jixhed l-impenn qawwi tal-Gvern favur l-arti, il-kultura u l-kreattivita’. Hu impenn li rridu nkomplu nsostnu fix-xhur u fis-snin li ġejjin. Hu impenn li għandu jkun garanzija ta’ livell ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin.
Fl-aħħarnett il-Ministru Cristina ferħet lill-artisti li kkwalifikaw għall-għajnuna minn dan il-Fond filwaqt li ħeġġet lil oħrajn biex jissottomettu proġetti li jkunu ta’ livell u jimmeritahom l-għajnuna.
Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech sostna li l-Fond Malti għall-Arti huwa wieħed minn numru ta' miżuri meħuda f'dawn l-aħħar snin u li se jkomplu jittieħdu sabiex tissaħħaħ l-ekonomija tal-kultura f'Malta u Għawdex, bil-għan li l-gvern jipprovdi l-qafas regolatorju, u ta' inċentivi neċessarji sabiex jitkattar il-ġid u x-xogħol fil-qasam tal-industriji kulturali u kreattivi.
“Il-Fond għall-Arti jipprovdi għajnuna diretta lill-artisti u lill-operaturi l-oħra kulturali sabiex jinvesti fl-ideat tagħhom, fl-innovazzjoni u l-kreattivita’ artistika, kif ukoll sabiex jifirxu l-applikazzjoni tal-kreattività fl-oqsma artistiċi li jkunu f'kuntatt dirett u kontinwu mal-udjenzi varji tagħhom”.
Biex jikkumplimenta dan il-Fond, u sabiex iqegħdu f'qafas sostenibbli u ta' benefiċċju kemm jista' jkun wiesgħa għal kulħadd, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment qiegħed ukoll iħejji għat-tnedija, fil-ġimgħat li ġejjin, tal-Working Group li se jkun qed jaħdem fuq l-Ekonomija tal-Kreattivita', hekk kif imħabbar fl-aħħar budget. Dan għandu jwassal sabiex jitfassal l-aħjar qafas possibbli għall-operat ta' intraprizi, kumpaniji, individwi self-employed, u organizzazzjonijiet oħra li huma attivi fl-arti, fil-ħarsien tal-patrimonju, fil-media, u fis-servizzi kreattivi (new media, arkitettura u disinn, fost oħrajn).
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990