Left arrow Go Back

MIRA LI JINTLAĦQU 50 FOSTER CARER ĠDID MATUL L-2010

PR0104
Date Icon 21/01/2010

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Appoġġ, illum niedha kampanja dwar il-Fostering immirata biex tħeġġeġ aktar persuni mill-pubbliku jsiru foster carers. L-għan ewlieni ta’ din il-kampanja hu li matul is-sena 2010, in-numru preżenti ta’ 180 foster carer jiżdied b’50.  

Din il-kampanja ser tinkludi bosta inizjattivi fosthom interventi edukattivi u informattivi fuq ir-radju u t-televiżjoni; riklami fuq il-mezzi kollha tax-xandir; kif ukoll ser jitqassam materjal informattiv dwar il-Fostering f’postijiet pubbliċi bħall-Kunsilli Lokali, Parroċċi u Ċentri tas-Saħħa fost l-oħrajn. Kopja ta’ dan il-materjal tista’ tinkiseb mill-Aġenzija Appoġġ, 36, Triq San Luqa, G’Mangia, jew mis-sit www.appogg.gov.mt.  

Waqt business breakfast li sar dalgħodu fil-lukanda New Dolmen, il-Qawra, l-Ministru għall-Politika Soċjali l-Onorevoli John Dalli sostna l-bżonn li f’pajjiżna jkun hawn aktar foster carers. Hu appella li f’din il-kawża jixtieq jara l-impenn ta’ kulħadd, inkluż il-mezzi tax-xandir, sabiex jikber l-għarfien dwar il-fostering. Hu ħeġġeġ lill-mezzi tax-xandir sabiex ixandru l-esperjenzi pożittivi tal-foster carers sabiex isir aktar apprezzzat li fost il-Maltin hawn membri tas-soċjeta’ li jħaddmu s-solidarjeta’ ta’ veru ma’ min ikun fil-bżonn. Il-Ministru Dalli temm jgħid li l-impenn tagħna għandu jikber aktar mal-individwu li jkun vulnerabbli.

Sina Bugeja, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali qalet li jista’ jkun hemm persuni li għalkemm ikunu jixtiequ jidħlu għall-fostering, ikunu beżgħana mill-impenn u minn dak li jinvolvi l-fostering. Sfortunatament, din il-biża’ tkun ġejja minn nuqqas ta’ informazzjoni jew minn miżinformazzjoni u għalhekk il-kampanja li qed titnhieda llum hi mmirata li żżid il-kuxjenza dwar x’inhu eżatt il-fostering u x’jinvolvi, filwaqt li ninkoraġġixxu aktar persuni jersqu lejn l-Aġenzija b’interess li jsiru foster carers.  

Hawn tfal u adoloxxenti li minħabba ċerti diffikultajiet fil-familja, ikun aktar ta’ ġid għalihom jekk iqattgħu ftit żmien ’il bogħod mill-familja tagħhom. Dawn id-diffikultajiet jistgħu jinkludu mard, abbuż, abbuż minn sustanzi, mewt, problemi ta’ saħħa, fost l-oħrajn. L-għan ewlieni tal-Fostering huwa li dawn it-tfal u adoloxxenti jibqgħu jgħixu f’ambjent ta’ familja flimkien mal-foster carers sakemm is-sitwazzjoni fil-familja naturali tagħhom titjieb. Jekk ikun fl-aħjar interess tagħhom, dawn it-tfal jerġgħu jmorru jgħixu mal-ġenituri naturali tagħhom. Fil-fatt, wieħed mid-dmirijiet tal-foster carers huwa li kemm jista’ jkun, u jekk ikun fl-aħjar interess tat-tfal, dawn iżommu kuntatt mal-familja naturali tagħhom. Il-Fostering jista’ jkun mifrux fuq żmien qasir jew anki fit-tul, skond il-każ. Barra minn hekk, hemm tipi differenti ta’ Fostering li huma: Kinship Fostering - meta t-tfal jieħdu ħsiebhom qraba tagħhom; Emergency Fostering - meta jkunu jinħtieġu foster carers sabiex jieħdu ħsieb tfal b’urġenza minħabba xi sitwazzjoni li tkun inqalgħet fil-familja, bħal f’każ ta’ sptar, u oħrajn; Respite Fostering - foster placements qosra li ħafna drabi jservu ta’ serħan għal foster carers oħra; u Specialised Fostering - meta t-tfal fostered ikollhom bżonnijiet speċjali. 

Sal-aħħar tas-sena 2009 kien hemm 190 tifel u tifla li huma fostered. Iżda hemm ukoll madwar 60 oħra li qed jgħixu fi djar residenzjali għat-tfal jistennew biex jiġu fostered. Dejjem ikun hemm domanda għall-foster carers. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiżdiedu wkoll foster carers minn Għawdex. Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Aġenzija Appoġġ ingħaqdu flimkien f’din il-kampanja biex iwasslu messaġġ ċar, dwar il-bżonn li dawn it-tfal, minkejja d-diffikultajiet li sabu ruħhom fihom, xorta jibqgħalhom id-dritt li jgħixu f’ambjent sikur ta’ familja.  

Minbarra l-għotja ta’ €70 fil-ġimgħa lill-foster carers bħala Child in Care Benefit, il-foster carers, it-tfal naturali tagħhom u t-tfal fostered jingħatalhom sapport minn servizzi soċjali oħra mogħtija mill-Aġenzija Appoġġ mingħajr ħlas. Dan minbarra li jingħata taħriġ, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, lil dawk il-persuni li jkunu jixtiequ jsiru foster carers. Il-Gvern iqis il-Fostering bħala investiment biex dawk it-tfal jikbru b’mod b’saħħtu, għax fl-aħħar mill-aħħar huma jirriflettu l-ġenerazzjoni futura.  

Matul dan il-business breakfast, żewġ foster cares qasmu l-esperjenza tagħhom ma’ dawk preżenti. Is-Sinjuri Azzopardi ilhom jiffosterjaw għal aktar minn disa’ snin, li matulhom għamlu kemm short-term, long term, kif ukoll respite placements. Preżenti għal din il-konferenza stampa kien hemm ukoll Social Workers mit-tim tal-Fostering tal-Aġenzija Appoġġ, Social Workers mit-tim tal-Looked After Children Service li jissapportjaw lil dawk it-tfal li huma fostered kif ukoll lil dawk li jgħixu fi djar residenzjali, membri mill-Assoċjazzjoni Maltija Nazzjonali tal-Foster Carers (NFCAM) u professjonisti oħrajn li jaħdmu f’dan il-qasam. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow