LAQGHAT TEKNIĊI DWAR ĦELSIEN MIT-TASSAZZJONI DOPPJA MA’ HONG KONG
Is-Segretarju Parlamentari għall-Erarji Pubbliċi u Artijiet, fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor. Jason Azzopardi jinsab f’Hong Kong jattendi laqgħat mal-ogħla uffiċjali mis-setturi tas-servizzi finanzjarju, is-settur ekonomiku, kif ukoll ma’ politiċi, dwar il-possibilita’ ta’ ftehim dwar tassazzjoni doppja bejn Malta u Hong Kong.
Fil-fatt f’dawn il-laqgħat intlaħaq ftehim sabiex f’Marzu li ġej, jibdew in-negozjati fuq livell tekniku li għandhom iwasslu biex Malta jkollha ftehim dwar tassazzjoni doppja ma’ Hong Kong.
Dan it-tip ta’ ftehim ipoġġi ‘l Malta f’vantaġġ fuq pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, għax Malta tkun l-uniku pajjiż fin-nofsinhar tal-Ewropa li jkollu ftehim ta’ dan it-tip ma’ Hong Kong. Ftehim dwar tassazzjoni doppja jissarraf f’ġid għall-ekonomija bħala inċentiv b’saħħtu għall-investiment, hekk kif Malta ssir il-bieb konvenjenti fin-nofsinhar tal-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq għal Hong Kong.
Fid-dinja tal-lum, Hong Kong huwa wieħed mill-aħjar ċentri finanzjarji fid-dinja, bl-aqwa ismijiet tad-dinja finanzjarja u b’rata ta’ tkabbir ekonomiku f’ċertu oqsma tal-ekonomija ‘l fuq minn 8% fis-sena. Dan il-ftehim ser ikun qed jieħu vantaġġ mill-pożizzjoni ġeografika strateġika, kif ukoll mill-passat kostituzzjonali taż-żewġ pajjiżi.
Ftehim dwar tassazzjoni doppja jipprovdi ftehim li jevita ‘l dawk li jagħmlu kummerċ bejn iċ-żewġ naħat li jħallsu taxxa darbtejn, iżda t-taxxa titħallas f’naħa waħda biss, skond fejn tkun residenti l-kumpanija. Dawn it-tip ta’ ftehim huwa ppruvati li huma determinanti għal min jiddeċiedi fejn irid jinvesti u għalhekk jservi ta’ katalist biex jinħoloq ix-xogħol.
Jakkumpanja lill-Onor. Jason Azzopardi hemm l-Ambaxxatur ta’ Malta għaċ-Ċina, is-Sur Karl Xuereb, u l-Kap tas-Segretarjat Parlamentari għall-Erarji Pubbliċi u Artijiet, is-Sur Lino Mintoff.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990