Left arrow Go Back

IMĠEDDED FTEHIM FIL-QASAM EDUKATTIV BEJN IL-GVERN U L-MICROSOFT - IT-TEKNOLOĠIJA TGĦIN BIEX JINTLAĦAQ LIVELL TA’ EĊĊELLENZA FL-EDUKAZZJONI

PR0096
Date Icon 20/01/2010

Il-Gvern hu impenjat li Malta tilħaq livell ta’ eċċellenza fil-qasam tal-Edukazzjoni u għalhekk kull inizjattiva li tgħin biex jintlaħaq dan l-iskop hi milqugħa u appoġġjata mill-Gvern. 

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport, Dolores Cristina qalet dan meta ppresediet seminar ta’ jum li fih kien imġedded ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn Microsoft u l-Ministeru tal-Edukazzjoni magħruf bħala “Partners in Learning”. 

L-iskop tal-ftehim hu li jsaħħaħ l-aċċess għat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni fl-edukazzjoni primarja u sekondarja.  Il-ftehim hu riżultat tal-viżjoni li jaqsmu flimkien id-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni u Microsoft, li jaqblu dwar il-fatt li l-ekonomija għaddejja minn bidla kbira u għaldaqstant il-kontribut tas-sistema edukattiva lokali lejn żieda fil-produttività u l-kompetittivita’ ta’ Malta għandu jkun wieħed deċisiv. 

Permezz tal-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Microsoft, kienet identifikata l-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar fi ħdan il-Kulleġġ Maria Regina biex tipparteċipa fi programm internazzjonali fejn skejjel minn diversi pajjiżi jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jitgħallmu minn xulxin dwar metodi ġodda ta’ tagħlim.  Matul din is-sena l-iskola msemmija se jkollha aċċess għal għodod u riżorsi biex tfassal u timplimenta l-bidla edukattiva f’din l-iskola li wara għandha tiġi implimentata fi skejjel Maltin oħra. 

Bħala parti mill-ftehim il-kumpanija Microsoft se tinvesti fis-sistema edukattiva lokali billi tagħti lill-għalliema Maltin aċċess għall-informazzjoni u l-applikazzjonijiet tagħha li jtejbu l-mod kif it-teknoloġija tkun applikata u użata fit-tagħlim. 

Il-ftehim jipprovdi għal programm ta’ żvilupp professjonali tal-għalliema u l-edukaturi b’opportunitajiet li se jitfasslu fuq il-ħtiġijiet identifikati mid-Direttorati tal-Edukazzjoni u mill-Kulleġġi nfushom.  Dawn il-programmi huma maħsuba biex l-edukaturi jkomplu jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom u l-għarfien dwar kif jużaw it-teknoloġija bħala mezz għal tagħlim kreattiv meta din tintuża għal suġġetti differenti. 

“Partners in Learning” se jipprovdi wkoll numru ta’ inizjattivi għal studenti li huma kreattivi u innovattivi. 

Fid-diskors tagħha l-Ministru Cristina rreferiet għall-istrateġija tad-Direttorati tal-Edukazzjoni dwar Smart Learning u l-eLearning fl-iskejjel Maltin li qed tkun implimentata b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Ministeru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u sostniet li t-teknoloġija tista’ tgħin biex l-edukazzjoni tkompli tikber u titwessa’ b’mod effiċjenti.  Din hi għodda importanti għall-edukaturi ddedikati li min-naħa tagħhom iridu jkomplu jiżviluppaw professjonalment bl-għajnuna tal-Gvern u ta’ inizjattivi bħal dik ta’ Microsoft. 

Il-Gvern min-naħa tiegħu se jkompli jinvesti fit-teknoloġija fl-iskejjel biex l-istudenti tagħna jkunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet kollha li jitfaċċaw quddiemhom.  Il-Ministru ħabbret li fil-ġimgħat li ġejjin id-Direttorat tal-Edukazzjoni flimkien ma’ Microsoft se joffru numru ta’ opportunitajiet li l-għalliema jistgħu jieħdu fuq bażi volontarja, li jgħinuhom ifasslu lezzjonijiet aktar interessanti permezz tat-teknoloġija. 

Għal dan is-seminar attendew aktar minn 200 għalliem, kapijiet ta’ skejjel, Prinċipali tal-Kulleġġi, edukaturi u oħrajn li jinteressaw ruħhom fl-edukazzjoni innovattiva. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow