IPPUBBLIKATI R-RIŻULTATI TA’ STĦARRIĠ DWAR X’JIEKLU L-MALTIN
Studju dwar l-ikel li jittiekel f’Malta, u li sar mill-Awtorità Maltija għall-Istandards (MSA), se jservi bħala l-ewwel pass biex nifhmu aħjar kif nistgħu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna, ir-rwol li l-konsum tal-ikel għandu f’ċertu mard mhux trasmess, u r-riskji involuti fil-konsum ta’ ċertu tip ta’ ikel.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta Chris Said meta indirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulu ngħataw ir-riżultati tal-istħarriġ li sar fuq perjodu ta’ ħames xhur.
L-MSA, li hi l-Awtorità kompetenti li tirrapreżenta lil Malta fil-European Food Safety Authority (EFSA) wettqet l-istħarriġ fuq kampjun ta’ aktar minn elf ruħ, ta’ età bejn id-19 u l-65 sena, u li ntalbu jżommu rendikont dokumentat ta’ x’jikkunsmaw matul il-ġurnata għal ħamest ijiem sħaħ.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li f’pajjiżna kien ilu jinħass il-bżonn li tinġabar informazjoni dwar il-konsum tal-ikel mill-Maltin u dwar l-effett li dan jista’ jkollu fuq saħħet il-poplu. Dan kien l-ewwel studju tat-tip tiegħu f’Malta b’din il-metodoloġija. Hu qal li dan il-proġett qed jagħti l-ewwel ritratt tat-tip, il-kwantità, u l-ħin meta l-ikel qiegħed jiġi kkunsmat f'Malta. L-istħarriġ qed jgħin ukoll biex nifhmu kif il-konsum tal-ikel qed jaffettwa karatteristiċi fiżiċi partikolari bħall-piż, il-kejl tal-qadd, u l-body mass index.
Chris Said qal li l-istudju għandu jgħin ukoll biex bħala pajjiż nifhmu kif nistgħu nevitaw effetti negattivi fuq livell nazzjonali billi ċertu mard relatat mal-konsum ipoġġi pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji u umani fil-kura tas-saħħa primarja u fl-isptarijiet. “Dan il-proġett huwa rilevanti ħafna fiż-żmien tal-lum għax permezz tiegħu sejrin inkunu nafu x’messaġġ jinħtieġ li jitwassal għand il-poplu kif wkoll id-direzzjoni li trid tittieħed sabiex nassiguraw li kull individwu jkun infurmat aħjar dwar l-aħjar għażliet possibbli fl-għażla tal-ikel li jiekol. Se jkollna wkoll għodda biex nkunu nistgħu nqabblu l- consumption pattern tagħna ma’ pajjiżi oħra.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, Michael Cassar, uffiċjal tal-MSA, għamel preżentazzjoni dwar ir-riżultati tal-istħarriġ. Ir-riżultati ewlenin tal-isħarriġ huma dawn:
• Bħala medja l-irġiel Maltin huma twal 1.701 metri. In-nisa Maltin huma twal medja ta’ 1.596 metri.
• L-irġiel Maltin jiżnu medja ta’ 80.69kg. In-nisa Maltin jiżnu 68.26 kg. Il-piż medju ta’ individwu adult Malti jiżdied bir-rata ta’ 0.22kg fis-sena.
• Il-Body Mass Index (BMI) ta’ raġel Malti hu 28.04, filwaqt li n-nisa Maltin għandhom BMI ta’ 26.87. Dan ifisser li l-Malti medju għandu piż żejjed (overweight). Dan jgħodd b’mod partikolari għall-irġiel.
• L-irġiel għandhom BMI medju ogħla min-nisa fil-kategoriji kollha bl-eċċezzjoni tal-kategorija li tinkludi lil dawk ta’ età ogħla minn 50 sena. F’din l-aħħar kategorija, il-BMI medju tan-nisa jeċċedi dak tal-irġiel.
• Bħala medja, l-irġiel Maltin għandhom qadd li jkejjel 0.924 metri. Tan-nisa l-qadd hu 0.870 metri.
• 44.4 fil-mija tan-nisa u 27.5 fil-mija tal-irġiel huma jew underweight inkella għandhom BMI normali.
• 72.5 fil-mija tal-irġiel u 55.6 fil-mija tan-nisa huma overweight jew għandhom problema ta’ obeżità.
• L-istudju jitfa’ dawl fuq x’jieklu l-Maltin u f’liema ħin tal-ġurnata.
• Kolazzjon: ħelu, galettini, ċikkulata; laħam ipproċessat (eż. zalzett u bacon); ċereali.
• Snack ta’ filgħodu: ħelu, galettini, ċikkulata, laħam ipproċessast (eż. zalzett u bacon).
• L-ikla ta’ nofsinhar: għaġin (pasta), tiġieġ, ħut, ross, laħam, laħam ipproċessat, majjal.
• Snack ta’ wara nofsinhar: ħelu, ċikkulata u galettini; għaġin (pasta), tiġieġ, u ġewż (nuts).
• L-ikla ta’ filgħaxija: għaġin (pasta), tiġieġ, ħut, ross, laħam, laħam ipproċessat, majjal, ħelu, ġewż (nuts).
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990
pr0093.ppt