Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-ISKAMBJU TA’ AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA MAL-KORP KONSULARI, FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 15 TA’ JANNAR 2010

PR0075
Date Icon 15/01/2010

Merħba għal din il-laqgħa ta’ kull sena sabiex nawguraw lil xulxin fl-okkażjoni tal-bidu ta’ sena ġdida kif ukoll nirriflettu ftit dwar il-prospetti quddiemna.  Inwassal lilkom u l-familji tagħkom it-tislijiet personali tiegħi kif ukoll dawk tal-Gvern immexxi minni.

Nirringrazzjakom tax-xogħol kollu li wettaqtu matul is-sena li għaddiet.  Il-Gvern immexxi minni japprezza x-xogħol importanti li twettqu.

Sena ġdida mhix biss opportunità biex tieqaf u tirrifletti fuq is-suċċesi u l-isfidi tas-sena li għaddiet imma hija opportunità biex tippjana kif se tegħleb l-isfidi u taħtaf l-opportunitajiet li sena ġdida ġġib magħha.

Tul din is-sena li għaddiet, il-volatilità tas-swieq internazzjonali – kemm finanzjarji kif ukoll taż-żejt – ħallew l-effetti tagħhom kemm fuq l-ekonomija globali u dik Maltija.  L-2009 tibqa’ kkaratterizzata mill-agħar reċessjoni li ħakmet lid-dinja u għalkemm pajjiżna ma ntlaqatx mill-mewġ finanzjarju, bħala ekonomija żgħira u miftuħa ġejna affetwati mir-reċessjoni hekk kif it-turiżmu u l-kummerċ internazzjonali ġew milquta b’mod dirett. 

Quddiem dan kollu l-Gvern immexxi minni poġġa x-xogħol bħala prijorità assoluta tal-ħidma politika u ekonomika tiegħu.  Ħdimna flimkien biex insalvaw kull impjieg possibbli.  Permezz ta’ dan ix-xogħol tagħna salvajna 2,500 impjieg filwaqt li komplejna nagħtu inċentivi biex aktar kumpaniji jkomplu jkabbru l-operat tagħhom u kumpaniji ġodda jiġu joperaw minn Malta.

F’dan il-perjodu Malta kompliet tattira investiment ġdid lejn pajjiżna.  Komplejna nsaħħu l-profil tagħna bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-manutenzjoni tal-ajruplani bl-investiment tal-SRT Technics ġewwa Malta li se jiġġenera 350 post tax-xogħol.  Is-settur finanzjarju kompla jirreġistra tkabbir tul is-sena li għaddiet b’aktar żgħażagħ isibu xogħol f’dan is-settur.  Minkejja dan, aħna konxji mill-fatt li kien hemm min tilef l-impjieg tiegħu u għalhekk nedejna programm finanzjarju li se jkompli jinċentiva l-ħolqien tax-xogħol permezz ta’ investiment qawwi fl-infrastruttura ta’ pajjiżna u proġetti kapitali kif ukoll b’numru ta’ skemi indirizzati lejn in-negozji ż-żgħar u medji.  Din is-sena se jibdew proġetti importanti għal pajjiżna bħar-reġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, id-daħla tal-Belt, aktar toroq arterjali u aktar proġetti li se jkomplu jkabbru l-potenzjal ta’ Malta fis-snin li ġejjin.  Se nkomplu naħdmu bis-sħiħ biex aktar kumpaniji jinvestu f’Malta u għalhekk nitlobkom biex intom ukoll tgħinuna fix-xogħol tagħkom u tkunu katalisti ta’ investimenti ġodda mill-pajjiżi li tirrappreżentaw.

Is-suċċess ekonomiku ma jinkisibx f’iżolament iżda f’kuntest politiku u soċjali.  Il-klima politika jeħtieġ li tkun stabbli u ħielsa mill-konflitt.

Matul l-2009 komplejna bil-ħidma tagħna kemm fuq livell internazzjonali u kemm lokali biex nilqgħu għall-isfidi tal-bdil fil-klima u tal-immigrazzjoni irregolari. 

Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ġewwa Kopenħagen li tlaqqet xahar ilu, ikkonfermat illi l-isfida dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima hija xi ħaġa li tikkonċerna lill-umanità kollha.  Pajjiżna ilu tal-fehma illi t-tibdil fil-klima jeħtieġ tweġiba globali u kien għalhekk, li flimkien mal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, stinka bis-sħiħ sabiex jintlaħaq ftehim internazzjonali.  Għalkemm il-qbil li ntlaħaq ma jirriflettix it-tamiet kbar li kien hemm, huwa xorta pass importanti. 

Is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea kompliet tkun ta’ għajnuna għal pajjiżna biex nilqgħu għall-isfida tal-immigrazzjoni irregolari.  It-twaqqif tal-European Asylum Support Office f’Malta se jagħti kontribut qawwi għall-iżvilupp tal-politika tal-ażil.  Fuq livell diplomatiku, l-Unjoni Ewropea ikkonfermat li din l-isfida se tkompli tingħata l-importanza u dan ġie kkonfermat mill-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rumpoy din il-ġimgħa fejn tenna li l-immigrazzjoni se tkun fuq l-aġendatal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Ġunju.  L-impenn tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward huwa frott tal-ħidma intensiva li saret minn pajjiżna matul dawn l-aħħar xhur.

Il-fenomenu tal-immigrazzjoni jiddependi wkoll fuq il-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran kif ukoll fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi fl-Afrika.  L-isforzi ta’ Malta biex l-Ewropa u l-pajjiżi Għarab ikomplu jaħdmu lejn il-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran wasslu biex infetaħ il-European Commission-Arab League Liaison Office ġewwa Malta u dan l-Uffiċċju se jkun katalist fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn dawn il-pajjiżi.

L-isfidi quddiemna huma ħafna, hekk kif huma l-opportunitajiet.  Ninsab fiduċjuż li l-poplu Malti se jegħleb l-isfidi li d-dinja kollha qed tiffaċċja.  Il-Gvern immexxi minni se jkompli bil-programm ta’ ħidma tiegħu ta’ investiment u riformi biex pajjiżna jkompli jissaħħaħ.

Aħna nsibu s-saħħa meħtieġa mis-sens profond ta’ solidarjetà nazzjonali tagħna, mir-rabtiet sodi tagħna mal-valuri li tawna l-identità Maltija u mill-impenn tagħna lejn ix-xogħol.  Nistedinkom biex tkomplu tkunu protagonisti fil-ħidma tagħkom u tkomplu ssaħħu r-relazzjonijiet bilaterali.

Filwaqt li nirringrazzjakom nestendi l-awguri u l-isbaħ xewqat tiegħi għas-sena li ġejja.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow