JUM IS-SIĠAR 2010 IMFAKKAR F’GĦAWDEX
Studenti li jattendu l-iskola Primarja tan-Nadur fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex, dalgħodu ħadu sehem f’ċerimonja simbolika li fiha ġie mfakkar Jum is-Siġar 2010 f’Għawdex. Għal din l-okkażjoni ġie inawgurat Ġnien il-Frott f’din l-iskola, li ġie mwaqqaf fl-istess skola bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni tal-Kumitat Ekoskola. Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Uffiċċju ta’ l-Edukazzjoni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, flimkien ma’ l-amministrazzjoni ta’ l-iskola, saret ħidma biex ingħatat dehra u ħajja ġdida lil wesgħa raba’ madwar l-iskola.
Fiċ-ċerimonja ta’ dalgħodu l-Ministeru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, inawgurat Ġnien il-Frott filwaqt li kixfet ukoll lapida kommemorattiva. Wara ġew imħawla siġar taċ-ċitru u taż-żebbuġ li ingħataw mill-Kunsill Lokali tan-Nadur.
Hemm il-pjan li fis-snin li ġejjin, it-tfal ta’ din l-iskola jagħtu sehemhom fil-proċess ta’ tisbieħ tal-ġnien, fil-kura tas-siġar, il-ġbir tal-frott kif ukoll il-preparazzjoni ta’ l-ikel fl-istess skola. Barra minhekk, hemm il-ħsieb ukoll li t-tfal jieħdu sehem fil-proċess ta’ ġbir taż-żebbuġ, u eventwalment l-iskola tibda wkoll tipproduċi ż-żejt taż-żebbuġ tagħha. Dan jgħin biex isaħħaħ il-politika edukattiva ta’ l-iskola fil-promozzjoni u t-tagħlim ta’ prattiċi ambjentali u stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa.
Iċ-ċerimonja tkompliet bi programm li ttella’ għall-okkażjoni fis-sala ta’ l-iskola u li kien jinkludi fost l-oħrajn qari ta’ proża u poeżiji, mima u kant. Student minn kull klassi ingħata pakketti bi żrieragħ ta’ siġar endemiċi biex jitqassmu lil kull student. Fi tmiem l-attività, it-tfal ingħataw porzjon ta’ frottbil-għan li tkompli titrawwem kuxjenza fost it-tfal, dwar il-ġid li jagħtuna s-siġar.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor. Chris Said.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990