BDIL TAL-AWGURI MAL-KORP DIPLOMATIKU - DISKORS MILL-ONOREVOLI LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU FL-OKKAZJONI TAL-ISKAMBJU TA’ AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA MAL-KORP DIPLOMATIKU - BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA - IL-ĠIMGĦA, 15 TA’ JANNAR 2010
Fl-okkażjoni tal-bdil tal-awguri tas-sena l-ġdida bejn l-ogħla awtoritajiet Maltin u l-Korp Diplomatiku, fil-bidu tad-diskors tiegħu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi wera s-solidarjetà tal-Gvern u l-poplu Malti għat-traġedja li qiegħda tisvolġi f’Haiti.
Il-Prim Ministru tenna li l-komunità internazzjonali għandha l-obbligu u r-responsabbiltà biex il-valuri tas-solidarjetà li tħaddan jiġu riflessi f’azzjoni kollettiva lejn dan il-poplu u l-pajjiż. Il-poplu Malti, li dejjem wera s-solidarjetà ma’ pajjiżi u nies fil-bżonn, diġa’ beda proċess biex jagħti l-għajnuna neċessarja.
Nagħtikom merħba għal din il-laqgħa tradizzjonali tagħna fil-bidu ta’ sena ġdida li mhijiex biss opportunità biex nagħtu l-awguri lil xulxin iżda wkoll biex naqsmu flimkien xi riflessjonijiet fuq il-ħidma kontinwa tagħna.
Inwassal l-awguri kordjali tiegħi, flimkien ma’ dawk tal-kollegi tiegħi, lilkom u lill-membri tal-familji tagħkom. F’isem il-poplu Malti nibgħat l-isbaħ xewqat, permezz tagħkom, lill-Gvernijiet u lill-popli tagħkom.
F’uħud mill-ġrajjiet l-aktar importanti tas-sena li għadha kemm intemmet spikka l-aktar il-mod li bih il-komunità internazzjonali tmexxi l-ħidmiet komuni tagħha. Wieħed jara impenn dejjem jikber tan-nazzjonijiet li jaħdmu flimkien fuq temi ta’ importanza globali waqt li fl-istess ħin inkomplu niffaċċjaw l-isfidi komplessi li spiss itawlu ż-żmien li fih tkun tista’ tittieħed azzjoni effettiva dwarhom.
Is-Summit ta’ Copenhagen dwar it-Tibdil fil-Klima li ntemm dan l-aħħar juri biċ-ċar din ir-realtà. L-għarfien li din l-isfida għandha tiġi ttrattata ma kinetx problema f’Copenhagen. L-anqas ma kien l-impenn politiku biex tittieħed azzjoni. Il-qbil ta’ Copenhagen jiddikjara mill-ġdid dan l-għarfien u jikkonferma mill-ġdid dan l-impenn. B’danakollu, iżomm lura milli jiddefinixxi b’mod aħħari u jissiġilla l-miżuri b’firxa wiesa’ li għandhom jittieħdu.
Malta tħares lejn din il-kwistjoni ta’ tibdil fil-klima minn perspettiva ta’ gżira żgħira. Sirna nafu ħafna aktar bit-theddid li riesaq fuqna, u bil-fatt li ma nistgħux nittrattaw din il-kwistjoni f’iżolament. B’riżultat ta’ dan għandna sens qawwi ta’ urġenza biex naħdmu flimkien, biex nilqgħu għal dan it-theddid u nadattaw irwieħna.
Ilna nappoġġaw b’mod konsistenti dawn il-miżuri. Sa mill-bidu konna strumentali biex tnieda l-proċess li wassal għal qafas ta’ konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima. Dawn l-aħħar snin, permezz tas-sehem mogħti mill-Ambaxxatur Michael Zammit Cutajar, Malta kellha rwol importanti inkluż fl-aħħar fażi tan-negozjati.
Fl-istess ħin, bħala membri tal-Unjoni Ewropea, nagħmlu parti minn grupp ta’ pajjiżi li huma mistennija jkunu fuq ta’ quddiem fl-azzjoni kollettiva fuq it-Tibdil fil-Klima. Fil-limiti tar-riżorsi u l-kapaċitajiet tagħna nieħdu sehem fil-miżuri miftehma mill-Unjoni. Se nkunu wkoll qed nikkontribwixxu €800,000 mit-€2.4 biljun fil-fast start fund kif ftehmu dwarhom il-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ewropa f’Diċembru.
Kien f’dan l-ispirtu li f’Kopenhagen stinkajna u ksibna l-approvazzjoni tal-konferenza ta’ stati biex Malta tiddaħħal fl-Anness I tal-Konvenzjoni dwar Tibdil fil-Klima. Dan l-istatus iħallina mmexxu ħidmietna fuq it-tibdil fil-klima b’konformità sħiħa mal-perspettivi nazzjonali tagħna flimkien mal-impenn li għandna fl-Unjoni Ewropea.
Copenhagen kien sinjal ta’ diferiment għalkemm mhux mixtieq, imma nisperaw li huwa biss temporanju, tad-deċiżjonijiet meħtieġa għall-isfida tat-tibdil fil-klima. Jinħtieġ livell ogħla ta’ fiduċja reċiproka, u negozjati aktar flessibbli biex sal-2012 jintlaħaq l-iskop aħħari ta’ ftehim li jorbot legalment l-impenji komuni imma diversi tal-membri kollha tal-komunità internazzjonali.
Il-kummerċ internazzjonali huwa qasam ieħor fejn aspirazzjonijiet komuni jinħtieġu jseħħu f’azzjoni kollettiva. Id-diskussjonijiet tal-Organizazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għadhom imwaħħla fin-negozjati ta’ DOHA dwar prassi kummerċjali internazzjonali aktar liberali.
L-iskop aħħari tal-Fażi preżenti huwa li jippromwovi t-tkabbir, speċjalment f’dinja li qed tiżviluppa. Fil-perjodu immedjat, effett aktar pożittiv fuq il-Konferenza DOHA jagħti spinta ferm meħtieġa fl-irkupru fraġli tal-ekonomija globali wara t-taqliba reċenti. Malta tibqa’ tappoġġa l-isforzi li jwasslu għal sistema kummerċjali internazzjonali aktar miftuħa u regolata.
Qegħdin bil-mod naraw l-effett tal-miżuri adottati minn ħafna pajjiżi matul l-aħħar tnax-il xahar minħabba l-kriżi ekonomika. Azzjoni soda u f’waqtha fuq livell nazzjonali u skansar ta’ miżuri protezzjonisti fuq livell internazzjonali taffewlna n-niżla ekonomika ’l isfel.
Bil-miżuri ekonomiċi nazzjonali li ħadna hawn Malta ninsabu konxji minn kemm huma effettivi miżuri simili. Aħna konxji wkoll mir-riskji involuti, u kemm hemm bżonn li nkunu sensittivi meta nieħdu dawn il-miżuri. Għalhekk aħna naqsmu l-fehma li għadhom meħtieġa riformi sinifikattivi f’livell kollettiv biex iħarsu pajjiżi individwali minn taqlib ekonomiku ġejjieni bħal dawk li d-dinja għadha kif għaddiet minnu.
Fil-qasam aktar wiesa’ ta’ sigurtà, l-2009 tatna esperjenzi aktar imħallta. L-aktar li jolqtu direttament lil Malta kienu l-iżviluppi fir-reġjun tal-Mediterran u l-madwar.
Fil-fatt ninsabu kburin li qed naraw il-frott ta’ proġett li għalih iddedikajna sforzi u attenzjoni speċjali f’Ottubru li għadda. Il-Liaison Office bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Lega Għarbija kien inawgurat f’Malta fl-14 ta’ Ottubru fil-preżenza tal-Kummissarju Benita Ferrero-Waldner u s-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija Amre Moussa. Dan il-Liaison Office kien il-frott tax-xogħol mibdi minn Malta fi Frar 2008 biex iqarreb l-Ewropa mad-dinja Għarbija billi jkattru l-koperazzjoni prattika f’għadd ta’ oqsma. Għandna impenn serju biex nużaw din l-inizjattiva f’ħolqa oħra fin-nisġa folta u għanja li torbot flimkien popli oħrajn mill-inħawi kollha tal-Mediterran.
Il-ġrajjiet li seħħew fil-Lvant Nofsani ġibdu ħafna mill-attenzjoni tagħna f’dawn l-aħħar tnax-il xahar. Ilqajna bil-ferħ id-determinazzjoni u l-impenn li l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti ġabet fis-seħħ fil-qagħda tal-Palestina. L-Unjoni Ewropea għadha taħdem biex issib mezz li bih tikkumplimenta u ssaħħaħ b’mod effettiv din l-inizjattiva ġdida tal-Istati Uniti.
Nibża’ li ż-żmien hu kontra tagħna. Il-qagħda fil-Palestina hija instabbli, bil-prospett ta’ soluzzjoni dejjiema ta’ żewġ stati donnu jitbiegħed flok jersaq fil-qrib. Jinħtieġ impenn politiku aktar intensiv min-naħa tal-Ewropa flimkien ma’ appoġġ materjali u finanzjarju li l-Ewropa tipprovdi lill-poplu Palestinjan fit-tbatija li ilu għaddej minnha. Din it-tbatija u t-tbatija tal-poplu ta’ Iżrael, li qiegħed jgħix taħt theddida kontinwa, għandha tħeġġiġna biex nagħmlu minn kollox biex infittxu paċi ġusta u dejjiema għal dan ir-reġjun.
Is-sitwazzjoni tal-Palestina tingħaqad ma’ sitwazzjonijiet oħra fil-Lvant Nofsani, li huma wkoll kawżi ta’ tħassib kbir minnhom infushom. Il-problema tat-tixrid tal-armi nukleari hija prevalenti. Ningħaqdu ma’ oħrajn li jħeġġu lill-Iran biex ikun konformi mal-obbligi tiegħu skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika. Ninkoraġġixxu wkoll sforzi akbar li jwasslu għat-twaqqif ta’ żona ħielsa mill-armi nukleari fil-Lvant Nofsani.
Mill-perspettiva Mediterranja tagħna qed insegwu b’interess il-proċess ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea lejn il-Balkani. Malta tappoġġa bis-sħiħ dan il-proċess, fid-dawl tal-esperjenza pożittiva tagħha ta’ benefiċċji politiċi u ekonomiċi bl-isħubija fl-Unjoni Ewropea.
Aħna nkomplu nappoġġaw l-applikazzjoni ta’ sħubija tat-Turkija u lqajna bi pjaċir id-deċiżjoni tal-Iżlanda li ssottomettiet l-applikazzjoni tagħha f’Lulju li għadda.
Dimensjoni importanti tal-perspettiva Mediterranja tagħna tikkonċentra fuq ir-relazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq. Malta minn dejjem kienet konvinta li fil-fatt jeżistu l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiżviluppa dejjem aktar koperazzjoni aktar mill-qrib u produttiva bejn ix-xtut tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran.
Dawn il-kundizzjonijiet għandhom għeruqhom fl-istorja, fil-ġografija u fir-realtajiet kulturali u ekonomiċi tar-reġjun. Jafu għeruqhom ukoll fir-relevanza strateġika tar-reġjun fi sforzi biex jinbnew strutturi aktar wiesa’ ta’ koperazzjoni bejn l-Ewropa u l-Afrika. F’dan il-kuntest nagħtu importanza kbira fl-isħubija Ewro-Afrikana bħala qafas ġenerali tar-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Afrika li twaqqfu f’Lisbona f’Diċembru 2007 u nistennew bil-ħerqa s-Summit Ewro-Afrikan li għandu jsir fi Tripli aktar tard din is-sena.
Is-sitwazzjoni fil-Qarn tal-Afrika jistħoqqilha attenzjoni speċjali u b’mod partikulari l-qagħda prekarja li ilha tinsab fiha s-Somalja. Malta tipparteċipa fl-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex tiġġieled il-piraterija fil-Golf tal-Eden u din hija operazzjoni li diġà wriet is-siwi tagħha. Imma jinħtieġ isir ħafna aktar biex tiġi indirizzata l-instabbilità fir-reġjun u diġà ħadna d-deċiżjoni politika biex nieħdu sehem f’missjoni ppjanata mill-Unjoni Ewropea fl-Uganda b’appoġġ għas-settur tas-sigurtà tas-Somalja. Is-sitwazzjoni fis-Sudan qabel ir-referendum li għandu jsir fin-Nofsinhar kif ukoll l-iżvilupp reċenti inkwetanti fil-Jemen huma wkoll ta’ tħassib serju u ħaqqhom l-attenzjoni kollha tal-komunità internazzjonali.
Malta hija konvinta li l-immigrazzjoni hija waħda mill-kwistjonijiet prinċipali li dwarhom tibqa’ kritika relazzjoni mill-qrib ta’ ħidma bejn ix-xtut tat-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Mediterran. Matul l-aħħar tnax-il xahar kien hemm żviluppi utli f’dan ir-rigward.
Minħabba ta’ intervent pożittiv mill-gvern Libjan, tnaqqas l-influss ta’ immigranti illegali, għalkemm bl-ebda mod ma ġie mrażżan. Fis-sajf li għadda ntilfu inqas ħajjiet fuq il-baħar b’differenza mis-snin ta’ qabel.
Malta se tkompli tistinka biex tiżgura li l-problema ta’ immigrazzjoni illegali tibqa’ ispirata minn strateġija fuq żewġ binarji bbażata fuq ir-rispett għal-legalità internazzjonali u t-twettiq ta’ burden sharing.
Żewġ żviluppi reċenti se jgħinuna biex insaħħu l-ħidma tagħna fuq il-front tal-immigrazzjoni. F’Diċembru l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ftehmu li Malta għandha tospita l-Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ dwar l-Ażil li għadu kemm twaqqaf. Dan l-Uffiċċju se jservi bħala ċentru għall-ippjanar tal-Unjoni Ewropea u l-ħidmiet fl-oqsma kollha li għandhom impatt dirett jew indirett fuq l-ażil.
Ukoll f’Diċembru ffinalizzajna l-ftehim ta’ pajjiżna mal-UNHCR. Din tifformalizza l-preżenza f’Malta tal-Aġenzija tar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti u għalhekk tgħin biex issaħħaħ ir-relazzjoni ta’ koperazzjoni li kellna għal żmien twil ma’ din l-organizzazzjoni.
Malta għandha impenn qawwi biex issaħħaħ il-koperazzjoni internazzjonali u tal-istituzzjonijiet li huma fil-qalba ta’ din il-koperazzjoni, b’mod partikulari l-Istati Uniti.
Minkejja d-dewmien u t-tfixkil, u kumplikazzjonijiet proċedurali li dejjem qed jiżdiedu fil-proċessi multilaterali, aħna nkomplu nqisu dawn il-proċessi bħala pre-rekwiżit essenzjali għal sistema internazzjonali stabbli u ordinata.
Nilmentaw, bħal ħafna oħrajn, il-pass kajman tal-progress fit-tliet oqsma prinċipali tal-attività internazzjonali – il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tas-sigurtà u tal-iżvilupp.
Fi żmien meta l-komunità internazzjonali għadha kemm fakkret is-sittin anniversarju tal-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, aħna konxji wkoll mill-fatt li riforma istituzzjonali effettiva għadha ma seħħitx f’dan ir-rigward. Hu mistenni wkoll progress fuq riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà. Għalkemm imxejna żewġ terzi mit-triq sad-data meta għandna nilħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, ir-riżultati għadhom ma jidhrux inkoraġġanti.
Aħna naraw dan it-tfixkil bħala indikazzjoni tan-natura esiġenti tal-isfidi li jiġu quddiem il-komunità internazzjonali, iżda mhux bħala xhieda ta’ dgħjufija fundamentali fis-sistema internazzjonali nfisha. Ninħtieġu nipperseveraw fl-impenn u l-appoġġ tagħna għal din is-sistema.
Kien f’dan l-ispirtu li f’Settembru li għadda jiena pproponejt lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex jeżaminaw il-perspettivi possibbli għar-Reviżjoni tal-Liġi tal-1982 dwar il-Konvenzjoni tal-Baħar. Meta l-Ambaxxatur tagħna Pardo kien ippropona l-idea ta’ Liġi ġdida tal-Baħar lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 42 sena ilu, għamel dan b’appoġġ għall-prinċipju li jinħtieġ li jiġi protett il-wirt komuni tal-umanità.
Il-proposta għal reviżjoni għandha l-iskop li jiġi applikat dan il-prinċipju għal firxa wiesgħa ta’ problemi urġenti. Dawn jinkludu piraterija, tibdil fil-klima, traffikar ta’ drogi u bnedmin, ġarr ta’ armi ta’ qerda tal-massa, ħelsien minn periklu u sigurtà fit-tbaħħir, ir-regoli rigward il-protezzjoni u preservazzjoni tal-ambjent marittimu, u r-regoli dwar submarinecables u pipelines taħt il-baħar.
Dimensjoni essenzjali tal-koperazzjoni multilaterali tinsab fil-perspettiva reġjonali. Żvilupp maġġuri fl-2009 fl-Ewropa kien id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Ir-riformi li saru permezz tat-Trattat ta’ Lisbona jfornu lill-Ewropa bi strutturi istituzzjonali li jippermettu, fost oħrajn, sħubija akbar biex jilqgħu l-isfidi tas-snin li ġejjin.
Huma jfornu wkoll lill-Unjoni b’qafas li madwaru tista’ tinbena politika estera u ta’ sigurtà komuni aktar mill-qrib. Nirrikonoxxu li hekk tlaqna b’mod importanti mill-prassi stabbilita. Tradizzjonalment strutturi istituzzjonali ġodda fl-Unjoni jiġu wara aktar milli qabel il-proċess politiku intern. Din id-darba l-istruttura istituzzjonali tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tqiegħdet f’post bħala xprun aktar milli bħala quċċata ta’ proċess politiku. Naqblu li din hija mossa kuraġġuża iżda meħtieġa li għandha bżonn tiġi żviluppata b’reqqa kbira.
F’din l-aħħar sena r-relazzjonijiet bilaterali tagħna komplew jiżviluppaw u jissaħħu ma’ ħafna minn sħabna sew ġewwa kif ukoll barra mill-Unjoni Ewropea. Fost il-ħafna żjarat u kuntatti li kellna tul l-aħħar tnax-il xahar nixtieq infakkar iż-żjara f’Malta tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban ki Moon f’April li għadda. Din iż-żjara tatna l-isbaħ opportunità biex nenfasizzaw l-impenn u l-appoġġ kbir li Malta tagħti lin-Nazzjonijiet Uniti u l-ħidma tagħha.
Fix-xhur li ġejjin nistennew bil-ħerqa avveniment partikolari li jfisser ħafna għal Malta. F’April il-Papa Benedittu XVI se jżur Malta. Din se tkun it-tielet żjara minn Papa f’Malta f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Din se ssir fi żmien meta nfakkru l-miġja ta’ San Pawl f’Malta fis-sena 60 WK. Din se tkun okkażjoni speċjali għall-poplu Malti biex jiċċelebra u jikkonferma l-kultura prezzjuża u l-identità li huwa wiret u għożż għal dawn l-aħħar elfejn sena.
Fuq livell nazzjonali naraw il-ħidma fis-sena l-ġdida bħala fejqan kontinwu imma diffiċli u kajman mill-kriżijiet ekonomiċi ta’ dawn l-aħħar tmintax-il xahar. Il-kriżi ekonomika mondjali kienet l-aktar reċessjoni gravi, twila u mifruxa mit-Tieni Gwerra Dinjija.
Filwaqt li l-effett tal-kriżi internazzjonali fuq is-settur bankarju Malti kien relattivament limitat, Malta, bħala ekonomija żgħira u miftuħa, ġiet effettwata hekk kif naqset id-domanda globali għall-kummerċ, investiment u produzzjoni industrijali. Minkejja dan, l-impatt fuq Malta, għalkemm serju, tal-anqas kien komparattivament maniġġabbli. L-agħar sinjali tal-kriżi dehru fit-tieni u tielet kwart tas-sena.
Ħadna passi urġenti u sodi billi nedejna pakkett ta’ stimulu fl-ekonomija tagħna. Dan il-pakkett kien l-aktar immirat għal proġetti ta’ investiment, bħala appoġġ għan-negozju u reviżjoni tat-taxxa fuq l-income, bil-ħsieb ewlieni li ninkoraġġixxu u nippermettu lin-nies li jaħdmu.
Il-kriżi ekonomika kellha effett inevitabbli fuq il-qagħda finanzjarja tagħna fejn id-defiċit tela’ sa 3.8% għall-2009. B’danakollu l-pakkett mal-ewwel laħaq l-iskopijiet tiegħu billi rażżan it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku sa madwar 2%, u l-livell tal-qgħad għal madwar 7% għal dik is-sena. Dan jikkompara tajjeb mal-medja ta’ tnaqqis ta’ 4% tal-PGD, u r-rata tal-qgħad ta’ madwar 9%, fl-Unjoni Ewropea kollha għall-2009.
Jinħtiġilna noqogħdu attenti għat-twissijiet li l-ekonomija internazzjonali għadha mhix ħielsa għal kollox mill-periklu. Fl-istess ħin m’għandniex ninsew il-programm ta’ riformi li jieħdu fit-tul li jibqa’ bbażat fuq il-Viżjoni 2015 ta’ seba’ punti adottat mill-Gvern. L-isforzi prinċipali tagħna fix-xhur li ġejjin se jikkonċentraw fuq aktar titjib tal-infrastruttura fiżika tagħna, speċjalment fl-oqsma tal-informatika u l-enerġija, u r-riforma kontinwa tas-sistema edukattiva tagħna, speċjalment fil-livelli ogħla u dawk vokazzjonali.
Il-mira tagħna tibqa’ t-titjib kontinwu għal opportunità biex kull membru tas-soċjetà tagħna jkollu rwol sodisfaċenti u produttiv fil-ħajja nazzjonali fi spirtu ta’ ftuħ u solidarjetà, u fuq il-bażi ta’ valuri umani, li tradizzjonalment kienu l-karatteristiċi tal-poplu Malti.
Biex nagħlaq, ippermettuli għal darba oħra nwassal lilkom l-awguri tiegħi u l-isbaħ xewqat, flimkien mal-awgurju li s-Sena l-Ġdida ġġib magħha barka u sodisfazzjoni fil-ħajja tagħkom professjonali kif ukoll privata.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990