Left arrow Mur Lura

IMNEDIJA KALENDARJI B’TEMI RELATATI MAL-VIŻJONI EKO-GĦAWDEX

PR0061
Date Icon 14/01/2010

Aktar minn erbat elef student li jattendu skejjel primarji u sekondarji, ta’ l-istat u tal-knisja, madwar Għawdex se jingħataw kalendarju b’temi relatati mal-viżjoni eko-Għawdex, li ġie maħruġ mill-Ministeru għal Għawdex. Din hija inizjattiva oħra meħuda bħala parti mill-kampanja ta’ għarfien dwar il-viżjoni tal-Gvern li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika.

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono illum żaret żewġ skejjel primarji f’Għawdex, fejn qassmet l-ewwel settijiet ta’ kalendarji maħsuba biex iwasslu messaġġi marbuta mal-kunċett tal-viżjoni eko-Għawdex. Dawn il-kalendarji, indirizzati għal tfal li jattendu l-iskejjel primarji, u li l-età tagħhom tvarja bejn il-5 u l-10 snin, jinkludu prattiċi tajbin li t-tfal għandhom jeżerċitaw fil-ħajja ta’ kuljum biex jgħixu ħajja aħjar. Dan fil-kuntest ta’ dak li ġie mfassal fl-ewwel dokument relatat ma’ din il-viżjoni li ġie mniedi flimkien mad-dokument tal-baġit f’Novembru li għadda.

Minbarra dan il-kalendarju, hemm żewġ tipi ta’ kalendarji oħra b’messaġġi li l-għan ewlieni tagħhom huwa dak li jippromwovu żvilupp sostenibbli: wieħed għal studenti ta’ l-iskejjel sekondarji u ieħor għall-pubbliku aktar adult. Il-kalendarji kkuluriti bi stampi u ritratti ġew stampati b’tali mod li kull paġna tkun tista’ tinqala’ u tintuża bħala bookmark.

Dawn il-kalendarji se jitqassmu wkoll fl-iskejjel speċjali fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex, kif ukoll f’istituzzjonijiet oħra ta tagħlim fuq il-gżira, fosthom fiċ-ċentru ta’ l-MCAST, fiċ-Ċentru għal Studji Ogħla Sir M.A. Refalo, fl-Istitut għal Studji Turistiċi u fiċ-Ċentru ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri.

Waqt il-preżentazzjoni tal-kalendarji, il-Ministru Giovanna Debono spjegat kif dawn il-kalendarji huma maħsuba biex joħolqu kuxjenza dwar prattiċi tajbin għal żvilupp sostenibbli fost it-tfal, żgħażagħ u adulti Għawdxin. Hija spjegat l-importanza tal-ħtieġa għaż-żieda fl-għarfien dwar prattiċi tajbin li jgħinu biex kulħadd isir aktar konxju minn dik li hi l-viżjoni tal-Gvern dwar Għawdex. Din il-viżjoni ser twassal biex Għawdex isir Għawdex aħjar fl-oqsma soċjo ekonomiċi kollha. ‘Biex dan iseħħ jeħtieġ il-kollaborazzjoni ta’ kulħadd’, żiedet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow