DISKORS MILL-ONOR. MARIO DEMARCO, SEGRETARJU PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU, WAQT KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET LI MATULHA TĦABBAR L-ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR L-AMBJENT U L-IPPJANAR – BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS, 14 TA’ JANNAR 2010
Jekk il-proċess tar-riforma tal-MEPA fih numru ta’ milestones importanti, ċertament li l-abbozz ta’ liġi li qed invaraw illum hija waħda minnhom.
Il-proċess tar-riforma telaq minn diskussjoni wiesgħa li għenitna nfasslu flimkien l-għanijiet tar-riforma. Wara li stabbilejna fejn irridu naslu, bdejna l-ħidma biex inpoġġu fil-prattika dak li ppjanajna.
Numru mill-miżuri li ridna u li rridu nwettqu jeħtieġu bidla fil-liġi. Huwa proprju għalhekk li tlesta dan l-abbozz ta’ liġi. Il-Prim Ministru fid-diskors tiegħu diġà rrefera għal bidliet importanti li ser jiġu fis-seħħ permezz ta’ din il-liġi. Nixtieq norbot dawn il-bidliet u xogħol ieħor li qed isir mal-erba’ pilastri tar-riforma li nfakkar kienu: it-tisħiħ tal-konsistenza, l-effiċjenza, il-kontabilità u l-infurzar.
Konsistenza
Inħasset il-ħtieġa li l-MEPA tkun aktar konsistenti mad-direzzjoni strateġika tal-Gvern u l-Istat, aktar konsistenti fid-deċiżjonijiet li tieħu meta tiġi biex tapplika u tinterpreta l-policies tagħha, aktar konsistenti mal-klijenti tagħha, huma min huma.
Il-varar ta’ din il-liġi, li ser tieħu post id-Development Planning Act u l-Environment Protection Act li jirregolaw il-MEPA, għandha tgħin għal aktar armonizzazzjoni fl-eżekuzzjoni da parti tal-MEPA, tal-obbligi tagħha taħt dawn l-Atti. Il-liġi li qed nipproponu tgħid li għandhom jitwaqqfu Environment and Planning Commissions flok id-DCCs eżistenti sabiex il-kunċett ta’ skrutinju, hekk imsejjaħ four eyes principle, jiġi estiż ukoll għall-ambjent. Iċ-Chairpersons ta’ dawn il-Kummissjonijiet ser ikunu wkoll DeputyChairpersons tal-Bord tal-MEPA. Dan għandu jwassal sabiex ikun hemm aktar konsistenza bejn id-deċiżjonijiet li jieħdu dawn it-tliet organi, li wara kollox huma t-tliet organi li joħorġu l-permessi. Il-proċess sabiex jinħatru l-membri tal-Environment and Planning Commissions, li ser ikunu issa full-time u mhux aktar part-time, inbeda u qiegħed fi stadju avvanzat.
Fis-snin li ilha teżisti, l-MEPA addotat numru kbir ta’ policies. Uħud minn dawn il-policies jidher li qed iwasslu jew jagħtu lok għal interpretazzjonijiet differenti bir-riżultat li qed jingħataw deċiżjonijiet li fid-dieher jew fis-sustanza jkunu nkonsistenti ma’ deċiżjonijiet oħrajn li ttieħdu mill-istess MEPA. Sabiex nindirizzaw din il-problema staqsejna jekk kienx hemm policies konfliġġenti jew li spiċċa żmienhom. Kien għalhekk li, kif semma diġà l-Prim Ministru, waqqafna Kummissjoni bl-inkarigu li teżamina l-policies eżistenti u b’mod aktar speċifiku tidentifika: dawk il-policies li m’għadhomx validi u saru obsoleti; policies konfliġġenti; u policies li jew m’humiex prattiċi jew inkella li jistgħu jiġu ntegrati jew maqgħudin ma’ oħrajn. Fiduċjuż li l-Kummissjoni li waqqafna għamlet xogħol siewi, xogħol li għandu jwassal biex titnaqqas l-inkonsistenza, titnaqqas il-burokrazija u jiddaħħlu aktar prattiċi ta’ better regulation għall-istakeholders kollha. Ninsab infurmat li r-rapport tagħha tlesta u għandu jiġi ppreżentat lilna fil-ġranet li ġejjin.
La darba jitlesta dan ix-xogħol, l-għan tagħna hu li jsir kompendju tal-policies tal-MEPA aktar aċċessibbli għal kulħadd, flimkien ma’ manwal li jiġbor id-deċiżjonijiet li jinterpretaw dawn il-policies, linji gwida għal min ser jinterpreta dawn il-policies, għal min ser japplika dawn il-policies, għal min ser jiddeċiedi fuq dawn il-policies. Għalhekk, dan għandu jgħin kemm lill-periti u l-applikanti, kemm il-Case Officers u l-Unit Managers tal-MEPA fi ħdan id-Direttorati tagħha u kif ukoll il-membri tal-EPC, tal-Bord tal-Appell u tal-Bord tal-MEPA.
Ridna nassiguraw li policies ġodda wkoll ikunu konsistenti ma’ policies eżistenti ta’ żvilupp u ambjent kif ukoll mad-direzzjoni strateġika ġenerali tal-gvern. Dan il-għan ser nilħquh bit-twaqqif tal-Environment and Planning Policy Unit fi ħdan il-MEPA u l-Strategic Development Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Xogħol fuq it-twaqqif ta’ dawn il-units jinsab avvanzat u għandhom jitwaqqfu fil-ġimgħat li ġejjin.
Skeda 4 tal-liġi li qegħdin nippreżentaw telenka l-pjanijiet u policies li l-Ministru responsabli mill-Ambjent ser ikun obbligat iressaq quddiem il-Kumitat tal-Kamra għall-Ippjanar, li issa ser ikun Il-Kumitat għall-Ambjent u l-Ippjanar, għal diskussjoni u skrutinju. Dawn huma:
· Dawk il-pjanijiet jew policies li jirreferu għall-art li tinsab barra minn żona ta’ żvilupp kif definit fil-pjan ta’ struttura jew fi pjanijiet oħra;
· Dawk il-pjanijiet u policies li jirregolaw esklussivament il-limitazzjoni tal-għoli u r-restrizzjonijiet fuqhom;
· Pjanijiet lokali, minbarra emendi minuri ta’ dawn l-istess pjanijiet; u,
· Policies li għandhom x’jaqsmu ma’, u li jirregolaw iċ-ċertifikat ta’ żvilupp skond il-permess.
Dan il-provvediment ser ikompli jgħin sabiex tiżdied it-trasparenza u l-konsistenza tal-Awtorità.
Effiċjenza
It-tieni pilastru tar-riforma huwa dak tal-effiċjenza. Entità ma tistax tkun effiċjenti jekk ma jkollhiex struttura adegwata. Il-liġi li qed nippreżentaw tipprovdi għall-ħolqien tal-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv, ta’ Awditur Intern u ta’ erba’ Direttorati (Ambjent, Infurzar, Servizzi Koperattivi u Ppjanar) fi ħdan il-MEPA. Sal-lum, il-liġi kienet tipprovdi għal Direttorat wieħed – dak tal-Ippjanar. Fil-prattika, hemm Direttorat tal-Ambjent u tas-Servizzi Korporattivi, iżda dawn ma kienux rikonoxxuti mil-liġi. Ridna li din l-anomalija ma tibqax u nagħtu aktar protezzjoni għal dawn il-karigi mportanti. Ħloqna wkoll karigi ta’ Direttur tal-Infurzar għaliex ma jistax ikollok MEPA effiċjenti jekk l-infurzar fuq min jabbuża ma jingħatax l-importanza tiegħu.
Id-DCCs li qabel kienu part-time issa ser jinbidlu f’Environment and Planning Commission full time. L-istess jista’ jingħad għat-Tribunal tal-Appell.
Tlesta studju dettaljat tal-funzjonijiet tad-Direttorat tal-Ambjent u tar-Riżorsi li hemm bżonn sabiex id-Direttorat ikun f’qagħda li jaqdi dawn il-funzjonijiet b’effiċjenza.
Flimkien mal-uffiċjali tal-MEPA u b’konsultazzjoni mal-istakeholders ikkonċernati lestejna l-proċeduri ġodda għall-applikazzjonijiet ta’ żvilupp. Dan sabiex tiżdied l-effiċjenza. Permezz ta’ dawn il-proċeduri:
· Applikazzjonijijet within scheme għandhom jiġu deċiżi fi 12 jew 26 ġimgħa mill-validazzjoni skond il-kumplessità ta’ l-applikazzjoni;
· Applikazzjonijiet sempliċi ODZ jiġu deċiżi f’26 ġimgħa mill-validazzjoni;
· Biex dawn il-miri jintlaħqu qed nintroduċu l-kunċett ta’ pre-screening għall-applikanti sabiex dawn ikunu ggwidati aħjar mill-MEPA dwar il-proposta tal-applikanti treġi mal-policies tal-MEPA. Il-perjodu ta’ initial screening ma jkunx ta’ aktar minn 4 ġimgħat;
· Il-perjodu ta’ validazzjoni ma jaqbiżx ġimgħatejn.
Fil-ġimgħat li ġejjin ser noħorġi għall-konsultazzjoni, abbozz ta’ Avviż Legali li ser jirregola dawn il-proċeduri.
Irid intenni li sabiex jintlaħqu dawn il-miri hemm bżonn il-koperazzjoni ta’ kulħadd. Il-periti u entitatjiet li jiġu kkonsultati fil-proċess ta’ applikazzjoni jridu jaħdmu fit-time frames il-ġodda. Dan hu neċessarju sabiex il-klijent – il-pubbliku - jinqeda aħjar.
Kontabilità
Kull uffiċjal pubbliku jrid ikun accountable għal għemilu. Dan il-prinċipju japplika b’mod aktar qawwi fil-MEPA fejn jinħarġu permessi ta’ żvilupp u liċenzji dwar l-ambjent. Il-kontabilità tiġi minn sens qawwi ta’ etika msaħħa minn proċess ta’ skrutinju. Ħdimna fuq dawn iż-żewġ binarji.
Ħadna numru ta’ miżuri sabiex insaħħu l-valur tal-etika fi ħdan il-MEPA. L-Att jinkludi provvediment dwar id-Dikjarazzjoni tal-Interessi tal-uffiċjali kollha tal-Awtorità, il-membri tal-Bord u tal-Kummissjonijiet. Fi ftit ġranet oħra ser ikun finalizzat il-kodiċi ta’ etika għall-impjegati tal-MEPA. Dan il-kodiċi ser ikun ikkumplimentat minn linji gwida – Code of Practice – li jistabbilixxu l-proċeduri interni tal-MEPA – inkluż il-proċeduri ta’ kif u x’tip ta’ laqgħat għandhom isiru waqt il-proċess tal-applikazzjoni. Il-liġi, filwaqt li tagħti protezzjoni lill-membri tal-EPC u tal-Bord tal-Appell sabiex tassigura l-indipendenza tagħhom, tipprovdi però ukoll dwar ċirkostanzi taħt liema dawn il-membri jistgħu jitneħħew mill-karigi tagħhom.
Il-ħolqien ta’ Kummissarju għall-Ambjent li jirrapporta lill-Ombudsman ser jgħin sabiex jissaħħaħ il-proċess ta’ skrutinju fuq l-operat tal-MEPA. L-introduzzjoni tal-Uffiċċju tal-Awditur Intern se jgħin għal aktar kontabilità dwar l-operat finanzjarju u amministrattiv tal-MEPA.
Sabiex nipproteġu lill-individwu qed nesiġu li kull applikant irid jiċċertifika li huwa s-sid tal-proprjetà li fuqha qed issir l-applikazzjoni jew li għandu l-kunsens tas-sid. Din hija miżura li ma kinitx inkluża fid-dokument tar-riforma imma li qed tiddaħħal b’riżultat tal-konsultazzjoni li saret proprju fuq dan id-dokument. B’nota ġenerali rrid ngħid li dan il-proċess wera kemm il-gvern lest li jisma u jaġixxi fuq dak li jisma. Wara kollox jekk l-għan tagħna hu li noffru servizz aħjar, iridu nisimgħu minn min qed juża s-servizz.
Suġġeriment ieħor li ntlaqa’ u fil-fatt diġà kien implimentat huwa li żviluppi fl-ODZ ikunu riklamati separatament. Hekk qed isir fuq il-websajt tal-MEPA. Dan is-suġġeriment ġie mill-għaqdiet ambjentali.
Niedejna proċess ta’ konsultazzjoni dwar linji gwida għar-reġistrazzjoni ta’ konsulenti li jistgħu jagħmlu l-EIAs. L-għan hu li nsaħħu l-monitoraġġ li jsir tal-EIAs. Il-konsegwenzi li jekk jirriżulta li assessment ikun żbaljat, il-konsulent jista’ jitneħħa mir-Reġistru u b’hekk jiġi mpedut milli jagħmel iktar EIAs. Ir-rapport tal-Bord tar-Reġistrazzjoni f’dan ir-rigward mistenni li jkun lest u ppreżentat sal-aħħar ta’ Frar.
Infurzar
Ħadna diversi miżuri sabiex insaħħu l-infurzar.
Il-Prim Ministru diġà elenka wħud mill-provvedimenti legali li ser jidħlu fis-seħħ sabiex jissaħħaħ l-element ta’ infurzar fi ħdan il-MEPA. Iż-żieda fil-multi, il-provvedimenti dwar żvilupp li ma jistax jiġi sanzjonat, il-provvediment dwar enforcement notices li ma jstgħux jiġu sospiżi minkejja appell li seta’ sar, huma intiżi proprju biex jiskoraġġixxu l-abbuż. Nixtieq inżid ma’ dawn li se jkun hemm regolamenti sabiex tittieħed azzjoni f’każ ta’ bini li jkun fi stat ta’ abbandun jew fi stat ta’ periklu.
Sejrin insaħħu d-Direttorat tal-Infurzar billi nżidu l-impjegati u dan sabiex inkunu f’qagħda li ninfurzaw id-deċiżjonijiet li tieħu l-Awtorità kemm fil-qasam tal-ippjanar kif ukoll fil-qasam tal-ambjent.
Konklużjoni
Matul il-ħames xhur li għaddew sar ħafna xogħol. Niskuża ruħi pero’ jekk fil-ħidma tagħna forsi ma lħaqniex mal-pass tal-aspettativa tan-nies.
Kif għidt fil-bidu, il-liġi li qed inressqu llum hija milestone importanti. Fil-bitħa tal-Berġa tal-Italja għandna numru ta milestones antiki miġbura mit-toroq tagħna. Dawn il-milestones kbar tal-ġebel kienu jitpoġġew fit-toroq biex jindikaw kemm wieħed qiegħed il-bogħod mid-destinazzjoni tiegħu.
Ix-xogħol li għamilna s’issa, tajjeb kemm hu tajjeb, kbir kemm hu kbir, ma jfisser xejn jekk ma jwassalniex għad-destinazzjoni finali. Id-destinazzjoni tagħna hi dik li l-pubbliku jinqeda aħjar mill-MEPA u li jkollna sistema dejjem aktar b’saħħitha ta’ ħarsien u protezzjoni tal-ambjent. Fix-xhur li ġejjin ser inkomplu bil-ħidma tagħna sabiex nilħqu dawn l-għanijiet.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990