Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET DWAR LIĠI ĠDIDA TAL-AMBJENT U L-IPPJANAR U DWAR IL-PROGRESS RIGWARD IR-RIFORMA TAL-MEPA - BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA - IL-ĦAMIS, 14 TA’ JANNAR 2010

PR0057
Date Icon 14/01/2010

Fid-9 ta’ Lulju nidejna l-ħsibijiet tagħna dwar ir-Riforma tal-MEPA u ppubblikajna dokument “A Blueprint for MEPA’s Reform”.  Dan id-dokument kien riżultat ta’ laqgħat li saru mal-ħaddiema tal-MEPA, ma’ għaqdiet ambjentali u ma’ għaqdiet li għandhom interess fil-ħidma u x-xogħol tal-MEPA.  Smajna wkoll is-suġġerimenti tal-pubbliku. 

Fil-31 ta’ Lulju laqqajna konferenza nazzjonali biex inkomplu nelaboraw fuq dak li ppreżentajna.  Smajna r-reazzjonijiet ta’ kull min ried jikkontribwixxi għal dan il-proċess li, bla dubju ta’ xejn, jaffettwa lil tant setturi u individwi f’dan il-pajjiż.  Ta’ min infakkar li: 

·       waqqafna Call Centre għal perjodu ta’ erba’ xhur sħaħ biex nilqgħu kummenti u suġġerimenti; 

·       kellna email dedikat biex nirċievu kontribuzzjonijiet b’mod elettroniku, kummenti li fil-maġġor parti tagħhom irrispondejnihom b’mod personalizzat; 

·       iltqajna ma’ diversi entitajiet li jirrappreżentaw firxa wiesgħa tas-soċjetà fosthom, saru xejn anqas minn 25 laqgħa ma’ setturi differenti. 

Minn din il-konsultazzjoni intensiva stajna niġu quddiem dawk kollha interessati biex nagħtu rendikont ta’ dawk is-suġġerimenti li konna lqajna.  Ta’ min jgħid li dawn ma kienux ftit u biex infakkru x’konna aċċettajna nsemmi dawn il-bidliet: 

1.     li l-bord tal-MEPA jinkorpora d-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali biex verament inwettqu l-viżjoni ta’ żvilupp sostenibbli; 

2.     wessajna l-mandat tad-DCCs biex ikopru wkoll deċiżjonijiet ambjentali.  Infatti ssemmew Environment and Planning Commissions li kif tafu lkoll ħarġu s-sejħiet għal min hu interessat anke fl-ambitu tal-wegħda elettorali tagħna biex sejħiet bħal dawn ikunu pubbliċi; 

3.     kabbarna n-numru ta’ membri tal-Environment and Planning Commissions minn 3 għal 5; 

4.     ftaħna l-possibbiltà li c-Chairpersons tal-Environment and PlanningCommissionsjistgħu jkunu mhux biss periti imma anke gradwati fl-ambjent u l-ippjanar; 

5.     wessajna l-mandat tal-Bord tal-Appell biex dan ikopri wkoll id-dimensjoni ambjentali; 

6.    fassalna kif ser jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp b’timeframes fissi biex l-applikant ikun jaf x’għandu jistenna.  

7.     ilqajna s-suġġeriment biex niffaċilitaw il-proċess ta’ applikazzjoni għall-bdiewa billi naċċettaw titlu ta’ qbiela bħala dritt li jagħmlu interventi relatati mal-operat tagħhom; 

8.     il-MEPA se tibqa’ responsabbli għat-twaħħil tas-Site Notice; 

9.     l-ittra ta’ notifika se tkun imqassma mill-MEPA stess; 

10. l-applikazzjonijiet ODZ diġà qegħdin jiġu avżati fuq il-website tal-MEPA separatament. 

Il-ħidma tagħna ma waqfitx hawn.  F’laqgħat ta’ kull ġimgħa fuq tematiċi differenti ħejjejna l-proċessi amministrattivi li se jiggvernaw il-MEPA fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet filwaqt li ħdimna biex nistabbilixxu x’riżorsi addizzjonali kien hemm bżonn fl-oqsma tal-ippjanar u l-ambjent.   

F’dak li għandu x’jaqsam mal-ambjent, sar stocktaking tal-obbligi kollha nazzjonali, internazzjonali u dawk tal-Unjoni Ewropea biex ġie stabbilit il-complement ideali li għandu bżonn dan id-direttorat biex tassew ikollna ħarsien ambjentali li tabilħaqq jilħaq l-aspettattiva tal-poplu Malti.  Bdejna nħarsu lejn il-bini tad-Direttorat taI-nfurzar u l-istrateġiji l-aktar effettivi biex tassew nassiguraw li jkun hemm infurzar b’saħħtu u kemm jista’ jkun jitnaqqsu l-abbużi. 

Bi pjaċir inħabbar li fost l-affarijiet li kkonkludejna, hemm ftehim fil-prinċipju mal-KNPD u l-Enemalta biex dawn jappuntaw persuna li tkun preżenti fl-uffiċċji tal-MEPA biex tkun ta’ għajnuna għall-applikanti prospettivi u biex jagħtu l-gwida neċessarja biex jiġi assigurat li applikazzjoni tkun konformi mal-policies.  Qegħdin ukoll naħdmu biex nappuntaw aktar uffiċjali tas-sanità biex dawn ukoll jagħtu sehem attiv fil-proċess ta’ pre-screening.  Irridu nifhmu li l-wegħda tagħna li nqassru ż-żmien tad-deċiżjoni għal 12 jew 26 ġimgħa għall-applikazzjonijiet li qegħdin fiż-żoni ta’ żvilupp ma ġietx mix-xejn.  Kulħadd ikollu jaddatta u tnaqqas iż-żmien li kulħadd kien igawdi sal-lum ibda mill-ħaddiema tal-MEPA u nkomplu bil-periti u l-consultees statutorji.  Dan jorbot ukoll mar-reviżjoni tal-policies li konna wegħdna u li għaliha ħtarna Kummissjoni indipendenti, li issa kkonkludiet ix-xogħol tagħha u se tippreżenta r-rapport tagħha fil-jiem li ġejjin. Dan sabiex l-pubbliku jinqeda aħjar! 

Huwa għalhekk li llum għajjatnilkom mill-ġdid biex flimkien nagħtu rendikont tal-ħidma tagħna imma biex din il-ħidma issa nsawwruha f’abbozz ta’ liġi li ser jiggverna l-aspetti ambjentali u tal-ippjanar.  Nifhem, anke mid-dibattiti reċenti fil-gazzetti, li hemm xi wħud li jemmnu li bil-firda ta’ dawn iż-żewġ dimensjonijiet stajna nwettqu l-missjoni tagħna b’akbar effettività.  Però, filwaqt li kkunsidrajna l-implikazzjonijiet taż-żewġ soluzzjonijiet, ser taraw kif il-liġi tagħti l-forza neċessarja lill-ħarsien tal-ambjent u toħloq strutturi ta’ deċiżjonijiet u nfurzar li qabel kienu riservati biss għall-aspett tal-ippjanar.  Dan għaliex l- Environment and Planning Commissions, it-Tribunal u d-Direttorat dwar l-Infurzar ser ikollhom fil-mandat tagħhom id-dimensjoni ambjentali li ser ipoġġu l-oqsma tal-ambjent u l-ippjanar fuq l-istess sisien. 

Il-liġi ser tibda tiġi diskussa fit-Tieni Qari dan ix-xahar u wara tgħaddi għat-Tielet Qari biex kollox ikun lest biex tiddaħħal is-sistema l-ġdida li mhux biss ser ikollha l-provvedimenti amministrattivi imma dawn ikollhom ukoll il-mandat legali.  Irridu għalhekk inkomplu l-ħidma amministrattiva tagħna biex f’dan iż-żmien niffinalizzaw il-provvedimenti kollha amministrattivi biex fil-bidu ta’ April nibdew nimplimentaw din ir-riforma.  Irrid insemmi wħud mill-aspetti prinċipali ta’ din il-liġi fosthom: 

1.    it-twaqqif permezz tal-liġi tad-direttorati kollha tal-MEPA inkluż dawk ta’ l-Ambjent, tal-Infurzar, tas-Servizzi Korporattivi u dak tal-Ippjanar li sal-lum kien l-uniku Direttorat imwaqqaf bil-liġi; 

2.    it-twaqqif permezz tal-liġi ta’ Kap Eżekuttiv u Awditur Intern; 

3.    ir-Raba’ Skeda tal-liġi telenka dawk il-pjanijiet u policies li mil-lum ’il quddiem ser ikun obbligu li ssir konsultazzjoni fuqhom mal-Kumitat Permanenti tal-Kamra dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp; 

4.     it-tisħiħ tar-rwol tal-medjaturi li jistgħu jkunu appuntati biex il-proċess tal-ippjanar ikun iffaċilitat meta jkun hemm diverġenzi ta’ opinjonijiet; 

5.    ħatra ta’ membri tal-Environment and Planning Commissions u t-Tribunal għal 4 snin bil-possibbiltà li jiġġeddu għal perjodu ieħor biss; 

6.    Tribunal ta’ Appell li jista’ jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ permess relatat ma’ bini f’ODZ, proprjetà skedata (Kategorija 1 jew 2) jew fejn hemm fdalijiet arkeoloġiċi, twaqqigħ ta’ bini f’UCA (Kategorija A) jew f’SAC;

7.    aktar konsultazzjoni  dwar pjanijiet sussidjarji u policies; 

8.     l-introduzzjoni ta’ Brief dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp; 

9.     l-inkorporazzjoni tat-terminu ta’ żmien għal deċiżjonijiet u konsultazzjonijiet stabbiliti bil-liġi; 

10. lista ta’ żvilupp li ma jistgħax jiġi ssanzjonat (is-Sitt Skeda) 

a.    applikazzjoni biex tirregolarizza żvilupp li jkun qabeż il-footprint approvat, jew iżid il-volum tal-bini minn kif approvat u ma jkunx jagħmel parti minn razzett tal-bhejjem reġistrat u li jkun sar wara Mejju 2007 f’żona li taqa’ ’l barra minn żoni tal-iżvilupp kif definiti fil-Pjan ta’ Struttura jew f’xi pjan ieħor; 

b.     applikazzjoni biex tirregolarizza żvilupp fi proprjetà skedata; 

c.    applikazzjoni biex tirregolarizza żvilupp li sar wara Mejju 2007 f’Żona ta’ Konservazzjoni Speċjali; 

11. multa ta’ €50 kuljum għal min ma jikkonformax ruħu mal-avviż ta’ twettieq fiż-żmien ordnat; din qed tiżdied minn €11.63; 

12. massimu ta’ €50,000 għal multi taħt provvedimenti speċjali dwar il-ksur tal-Att; sal-lum il-multa hi ta’ €2,300; 

13. terminu ta’ 5 snin fejn jistgħu jiġu revokati jew modifikati permessi jew liċenzji.  Din qed issir biex inneħħu l-inċertezza mis-suq u biex nagħtu stabbiltà lix-xerrejja. 

Se nemendaw ukoll il-liġi dwar l-Ombudsman biex noħolqu għall-ewwel darba Kummissarju dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u b’hekk insaħħu l-iskrutinju tal-operat tal-MEPA.  Fuq dan diġà hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.  Dan ix-xogħol diġà beda fil-Kumitat tal-Kamra.  Se nippubblikaw fil-ġimgħat li ġejjin regolamenti dwar il-proċess tal-applikazzjoni rigward il-proċess għall-ħruġ ta’ Environment and Development Brief, kif ukoll regolamenti riveduti dwar l-EIA. 

Sar ammont kbir ta’ xogħol matul dawn l-aħħar ħames xhur.  Xogħol li sar bil-kwiet imma b’intensità.  Ta’ dan irrid inrodd ħajr lill-Onor. Mario de Marco li mexxa dawn il-laqgħat u li rnexxielu jabbina r-responsabbiltajiet tiegħu f’żewġ oqsma tant importanti għall-pajjiż b’dedikazzjoni u impenn.  Inrodd ħajr ukoll lil dawk kollha li assistewna f’dan l-eżerċizzju u li kienu ta’ spalla kontinwa għal dan il-proċess.   Nirringrazzja wkoll lic-Chairman tal-MEPA, lil Kevin Gatt u lil Nadia de Marco li ħadmu bis-sħiħ u qed jaħdmu fuq din ir-riforma u t-twettieq tagħha. 

Għad fadal xi jsir fil-preparamenti biex din ir-riforma tassew titwettaq.  Ġejna hawn illum biex infehmu x’għamilna u fejn wasalna.  Ġejna hawn biex inkomplu nuru l-impenn tagħna lejn din ir-riforma li kif għidt fid-9 ta’ Lulju tas-sena l-oħra hija probabbilment l-iktar waħda diffiċli li mexxa l-Gvern li jiena nmexxi.  Ma tistax riforma bħal din titwelled mil-lejl għan-nhar.  Aħna rridu nkunu ċerti li fassalna sew u fehmna l-implikazzjonijiet u l-aspettattivi lil kulħadd.  Kif wasalna s’hawn bl-għajnuna ta’ kull min jaħdem u jmiss mal-MEPA jew għandu interess fl-ippjanar u l-ambjent, is-suċċess ta’ din ir-riforma jista’ jseħħ biss bl-għaqal ta’ dawn l-istess nies.  Aħna irridu regolamentazzjoni bbażata fuq sforz minn kull min hu involut fil-proċess biex tassew jintużaw l-opportunitajiet kollha biex ikollna żvilupp sostenibbli.  Nifhmu u nemmnu li rridu nħarsu u nsostnu l-ambjent.  Nifhmu l-aspett kummerċjali f’dan il-qasam.  Nifhmu l-impatt soċjali li jista’ joħloq l-iżvilupp u r-rabta li għandu dan il-qasam mal-ekonomija Maltija.   

Iva:

·        irridu nagħtu deċiżjonijiet fi żmien aktar qasir; 

·        irridu nħarsu l-ambjent; 

·        irridu ngħinu lill-applikanti; 

·        irridu ngħinu lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi; 

·        irridu nfehmu lil min iħoss li jista’ jsofri minn xi żvilupp; 

·        irridu nistimulaw il-progress ekonomiku; 

·        irridu ninfurzaw bis-sod biex ħadd ma jabbuża jew isofri. 

Għalhekk il-Gvern, irid dejjem iwieżen l-aspetti kollha tal-qafas Malti biex kull deċiżjoni tittieħed u tqis id-dimensjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali.  Dan huwa l-iżvilupp sostenibbli.  

Matul ix-xhur li għaddew ħdimna fuq riforma biex ikollna MEPA li tkun aktar effiċjenti, konsistenti, accountable u nsaħħu l-infurzar.  Dan qed nagħmluh fl-interess ta’ pajjiżna, fl-interess tal-ġenerazzjoni tal-lum u dawk li ġejjin warajna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow