Left arrow Go Back

STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR LAWRENCE GONZI DWAR IĊ-CHOGM, LAQGĦAT MAL-AWTORITAJIET FILLANDIŻI U AWSTRIJAĊI, LAQGĦA MAL-PRIM MINISTRU TAL-LATVIJA, IL-KUNSILL EWROPEW TAL-10 U L-11 TA’ DIĊEMBRU U L-KONFERENZA TAN-NAZZJONIJIET UNITI DWAR IT

PR0043
Date Icon 11/01/2010

Illejla nixtieq nirrapporta lill-Kamra dwar il-parteċipazzjoni tiegħi f’numru ta’ konferenzi internazzjonali, l-aħħar Kunsill Ewropew u laqgħat oħra matul il-ġimgħat li għaddew.

CHOGM 2009

Bejn is-27 u d-29 ta’ Novembru ħadt sehem fil-Commonwealth Heads of Government Meeting (CHOGM) li tlaqqa’ fi Trinidad and Tobago.  Għal din il-laqgħa attendeaw 49 pajjiż membru tal-Commonwealth, li 34 pajjiżi minnhom kienu rapreżentati mill-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern.  Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon, Nicolas Sarcozy, il-President Franċiż u l-Prim Ministru, Daniz Lars Rasmussen, indirizzaw ukoll iċ-CHOGM in vista tal-Konferenza dwar il-Tibdil fil-Klima li kellha ssir tliet ġimgħat wara f’Kopenhagen. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-CHOGM Communiqué. 

F’din il-laqgħa, ir-Republika ta’ Rwanda ġiet milqugħa bħala l-54 membru tal-Commonwealth kif ukoll il-Pakistan reġa’ ġie aċċettat fil-Kunsill tal-Komunità wara l-elezzjonijiet ta’ Frar 2008 u l-ħatra ta’ Gvern ċivili f’April ta’ wara. Iżda kien hemm tħassib fuq pajjiżi oħra, bħal gżejjer tal-Fiji li ġew sospiżi mill-Commonwealth u milli jipparteċipaw fil-logħob tal-Commonwealth tal-2010 wara id-deterjorazzjoni tad-demokrazija fil-gżejjer tagħhom u tħassib dwar il-kwistjoni bejn il-Beliz u l-Gwatemala.  Ġew imsemmija wkoll ir-relazzjonijiet bejn il-Gujana u l-Venezwela, il-qagħda fiż-Żimbabwe u t-tama li tkompli l-ħidma biex dan il-pajjiż jerġa lura fi ħdan il-Commonwealth u d-diviżjoni f’Ċipru. Il-Kapijiet tal-Gvern tal-pajjiżi tal-Commonwealth iddikjaraw appoġġ sħiħ lil dawn il-pajjiżi f’kull sforz tagħhom sabiex iwettqu progress fl-isfidi li qed jaffaċjaw.  

It-taqlib fis-sitwazzjoni ekonomika dinjija u r-riċessjoni li ġabet magħha impattat il-progress ekonomiku fi kważi l-pajjiżi kollha tal-Commonwealth li għandhom potenzjal ta’ żvilupp baxx u l-pajjiżi foqra l-oħra.  Il-Kapijiet tal-Gvern ħeġġu għal aktar sforzi internazzjonali u nazzjonali għal-għajnuniet fl-iżvilupp tal-infrastruttura ta’ dawn il-pajjiżi. 

L-isfidi tal-ġejjieni, li jinkludu l-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-ikel u l-enerġija jirrikjedu aktar koperazzjoni urġenti u f’waqtha.  Il-Kapijiet tal-Gvern saħqu lill-membri kollha sabiex jiżviluppaw għażliet li jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom fuq skala nazzjonali u reġjonali mal-membri li qed iħabbtu wiċċhom ma’ dawn l-isfidi, l-aktar bi proċessi multilaterali b’saħħithom u inklussivi.  

Huma saħqu wkoll fuq l-importanza għal assigurazzjoni sabiex il-proċess ta’ tiġdid ekonomiku dinji jsir b’mod magħqud u komprensiv, filwaqt li jiġi enfasizzat il-bżonn għal iżjed koperazzjoni ekonomika u soċjali għal sapport globali stabbli, sostenibbli u inklussiv fil-qasam tat-tkabbir tal-ekonomija u tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi tal-Commonwealth u l-pajjiżi inqas żviluppati l-oħra. 

Oqsma oħra diskussi ta’ importanza kienu l-iżvilupp ambjentali, is-sigurtà għall-ikel u l-enerġija, l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-ugwaljanza tas-sessi, il-kontribut taż-żgħażagħ għall-progress fl-iżvilupp, paċi u demokrazija, kif ukoll il-għaqda fil-qasma diġitali li teżisti bejn il-pajjiżi. 

Kien hemm sensiela ta’ diskussjonijiet li għandhom iwasslu għal negozjati iżjed kollaborati u aktar koperazzjoni bejn il-pajjizi tal-Commonwealth.  Dan jista’ jintlaħaq aħjar billi jinqasam aktar tgħarif, isir aktar networking kif ukoll twaqqif u nfurzar ta’ strutturi bejn il-pajjiżi.  Il-Kapijiet ħeġġu għal aktar sforzi mgħaquda fuq ċerti kwestjonijiet l-aktar dwar l-eliminazzjoni globali ta’ armi li joqtlu l-massa, b’mod speċjali l-armi nukleari u l-kummerċ illegali tal-armi, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-piraterija tal-vapuri, it-trażżin ta’ fondi għall-għaqdiet terroristiċi, l-immigrazzjoni, ksur tad-drittijiet umani kif ukoll vjolenza kontra n-nisa u t-tfal. 

F’dan il-kuntest il-ħames pajjiżi membri tal-Commonwealth, li huma ukoll membri tal-G20, għarfu r-responsabbiltà partikulari li jġorru biex jikkomunikaw il-perspettivi u l-prijoritajiet ta’ tħassib tal-Commonwealth fi sfera aktar wiesa’.   Barra minhekk, ġie enfasiżżat wkoll il-bżonn għal aktar koperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti sabiex ikun hemm aktar appoġġ u kontribut għall-isforzi tan-Nazzjonijiet Uniti. 

Apparti ċ-CHOGM Communiqué, ġew approvati dawn id-dokumenti:

§                     The Port of Spain Climate Change Consensus: The Commonwealth Climate Change Declaration;

§                     Trinidad and Tobago Affirmation on Commonwealth Values and Principles

§                     The Declaration of Port of Spain: Partnering for a More Equitable and Sustainable Future

§                     ‘Investing in young people’ A Declaration on young people by Commonwealth Heads of Government, u

§                     Statement on Commonwealth action to combat non-communicable diseases  

LAQGĦAT FIL-FILLANDJA 

Nhar it-Tnejn 1 ta’ Diċembru, flimkient mal-Ministru George Pullicino kelli erba’ laqgħat fil-Fillandja.

Laqgħa mal-Prim Ministru Fillandiż Matti Vanhanen

L-ewwel laqgħa kienet mal-Prim Ministru Fillandiż Matti Vanhanen.

Matul din il-laqgħa iddiskutejna il-kwestjoni tal-immigrazzjoni illegali u l-ħidma tal- European Ayslum Support Office li ser ikun bażat f’Malta. Tkellimna dwar il-proġett pilota tal-Kummissjoni għal Malta għar-rilokazzjoni ta’ persuni li jgawdu minn ħarsien internazzjonali. Għalkemm diġa’ hemm il-konferma tal-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ pajjiżi, il-Gvern Malti jixtieq jara aktar sehem mill-Istati Membri.  Iddiskutejna wkoll aktar kollaborazzjoni bejn Malta u l-Finlandja, li diġa qed tipparteċipa fl-operazzjonijiet tal-FRONTEX, fil-qasam ta’ titjiriet konġunti ta’ ripatrijazzjoni billi Malta għanda nuqqas ta’ rappreżentanza diplomatika fin-nofsinhar tad-deżert tas-Sahara.  

Ġew diskussi wkoll kwestjonijiet oħra bħall-Unjoni tal-Mediterran, is-Servizz ta’ Azzjoni Esterna Ewropea (European External Action Service), il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, kif ukoll il-prospetti dwar investiment fl-enerġija tar-riħ u l-immaniġjar tal-iskart. 

Laqgħa mal-President tar-Republika Fillandiża, Tarja Halonen

Id-diskussjonijiet mal-President tal-Fillandja Tarja Halonen bdew fuq il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima.  Il-President stqarret li ila żmien involuta sew fil-proċess, għalhekk ser tkun qed tipparteċipa f’attivitajiet f’Kopenħagen.  Jien kkonfermajt li Malta se tkun qed tagħti kontribut siewi billi l-Ambaxxatur għal-Bidla tal-Klima tagħna, Michael Zammit Cutajar kien ser jippresiedi f’ad hoc working group dwar l-Azzjoni Koperattiva fit-Tul.  

Il-President ferħet lil Malta li ser tilqa’ l-European Asylum Support Office u jien urejt l-apprezzament għall-għajnuna Finlandiża u l-mawra tal-Ministru Astrid Thors f’Malta sabiex tiġi studjata s-sitwazzjoni kkawżat mill-influss tal-immigranti rregolari. F’dan il-kuntest tkellimt dwar il-proġett pilota għar-rilokazzjoni tal-immigranti minn Malta. 

Il-President Halonen qablet li l-kwestjoni tal-immigranti tikkonċerna l-Unjoni Ewropea bħala unjoni u mhux bħala stati indivdwali biss. Tkellimna wkoll dwar l-iskambji kummerċjali u r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. 

Laqgħa mal -Kumitat Amministrattiv tal-Parlament Fillandiż

Matul il-laqgħa li kelli mal-Kumitat Amministrattiv tal-Parlament jiena tajt sommarju tas-sitwazzjoni dwar l-immigranti rregolari f’Malta u elenkajt punti li tqajjmu waqt il-laqgħa mal-PM Vanhanen, partikolarment l-importanza tal-proġett pilota u aktar appoġġ lill-FRONTEX u l-ħolqien ta’ sotto-aġenziji għaliha. 

Tapani Tölli, il-President tal-Kumitat stqarr li anke l-Finlandja qed tiddiskuti l-kwestjoni tal-immigranti u li din hija kewstjoni li tikkonċerna l-Unjoni Ewropea kif ukoll tifhem li hemm pressjoni kbira fuq Malta meta tikkunsidra d-daqs tal-pajjiż.  Huwa iqis li Malta qed tagħmel xogħolha sew.  

Il-punti mqajjma mill-Membri Parlamentari fil-Kumitat kienu jinkludu ir-relazzjonijiet ta’ Malta mal-pajjiżi ġirien, l-operat tal-European Asylum Support Office u r-relazzjoni bejn it-traffikar illegali tan-nies u attivitajiet illegali oħra.  

F’laqgħa ma’ Jari Pasanen mill-Finnish Innovation Fund u uffiċjali mill-Minsteru tal-Edukazzjoni iddiskutejna il-possibiltà ta’ riċerka konġunta fil-qasam tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u proġetti konġunti fl-oqsma tal-immaniġġjar tal-iskart u teknoloġija tal-ilma. 

LAQGĦA MA’ VALDIS DOMBROVSKIS, PRIM MINISTRU TAL-LATVIJA

L-Erbgħa 2 ta’ Diċembru ġewwa Riga kelli laqgħa mal-Valdis Dombrovskis, il-Prim Ministru tal-Latvija u li matulha kont akkumpanjat mill-Ministru George Pullicino.  Id-diskussjoni  tagħna kienet primarjament dwar l-immigrazzjoni irregolari u dwar il-qasam tal-enerġija.  

Iż-żewġ naħat qbilna li l-isfida tal-immigrazzjoni hija sfida għall-Unjoni Ewropea u ma tistax tiġi ffaċċjata b’mod sodisfaċenti u xieraq fuq bażi nazzjonali biss iżda l-azzjoni ko-ordinata u sħiħa tal-Unjoni hija neċessarja. Din l-azzjoni titlob ukoll ħidma mill-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi ta’ oriġini, anke fil-kuntest ta’ diversi ftehim li hemm inkluż il-Ftehim tal-Cotonou.  Fil-fatt il-Prim Ministru Dombrovskis irrimarka li l-Kummissarju l-ġdid responsabbli għall-qasam tal-Iżvilupp huwa Andris Pielbags, il-Kummissarju mill-Latvija. 

Il-Latvija għandha l-ogħla share ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu fost il-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea, bil-hydro-energy bħala s-sors ewlieni.  F’dan il-kuntest iddiskutejna l-isfidi li għandna f’pajjiżna sabiex nilħqu l-mira tagħna ta’ li niġġeneraw 10% tal-enerġija li nikkunsmaw minn sorsi li jiġġeddu. 

Tkellimna wkoll dwar il-ħidma ta’ Malta fl-International Maritime Organisation. Iddiskutejna wkoll l-iżvilupp tal-kummerċ u tat-turiżmu bejn iż-żewġ pajjiżi. 

LAQGĦAT FL-AWSTRIJA

Il-Ħamis u l-Ġimgħa, 3 u 4 ta’ Diċembru, akkumpanjat ukoll mill-Ministru George Pullicino, żort l-Awstrija u kelli wkoll żjara ta’ korteżija lill-President federali Heinz Fischer.

Laqgħa ma’ Werner Faymann, Kanċillier Federali tal-Awstrija

Il-laqgħa ma’Werner Faymann, il-Kanċillier Federali tal-Awstrija saret nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Diċembru.

Fil-bidu tal-laqgħa qbilna li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Awstrija huma b’saħħithom ħafna u li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet strumentali f’dan ir-rigward. Saħansitra, wara s-s-sħubija, l-kummerċ kiber ukoll partikolarment fil-qasam finanzjarju u permezz tal-investiment fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.  

Iddiskutejna wkoll l-iżviluppi li jmiss fl-Unjoni Ewropea issa li t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ u qbilna li l-focus tal-Unjoni għandu jkun il-ħolqien tax-xogħol, l-iżvilupp ekonomiku u l-ħarsien soċjali.  Dan kollu għandu jkun integrat f’ċerta passi li ser jittieħdu dalwaqt, inkluż it-tiġdid tal-Agenda ta’ Lisbona u x-xogħol fuq il-budget tal-Unjoni Ewropea.  

Fid-dawl tat-twaqqif tal-European External Action Service, jiena emfassizzajt l-importanza li l-Istati Membri jkunu rappreżentati adekwatament.  

Iddiskutejna wkoll l-immigrazzjoni illegali bħala parti mill-aġenda tal-Unjoni Ewropea u l-ħidma ta’ European Asylum Support Office li ser jitwaqqaf f’Malta. Meta ddiskutejna t-tibdil fil-klima, qbilna dwar l-importanza tal-Konferenza li kellha ssir ftit jiem wara f’Kopenħagen. 

KUNSILL EWROPEW 

Il-Ħamis u l-Ġimgħa 10 u 11 ta’ Diċembru mexxejt id-delegazzjoni Maltija fil-Kunsill Ewropew, l-ewwel Kunsill li nżamm minn meta t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru.  Skond id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2008, dan il-Kunsill kien presedut mill-Prim Ministru Svediż minkejja li t-Trattat ta’ Lisbona jistipola li l-Kunsill ikun presedut mill-President tal-Kunsill. Fil-fatt, Herman Van Rompuy kien preżenti għall-working dinner tal-Kapijiet tal-Gvern u qasam magħna il-ħsibijiet tiegħu dwar il-funzjonament tal-Kunsill Ewropew. 

Nieħu l-okkażjoni biex  ninforma l-Kamra li nhar il-Erbgħa li ġejjin, il-President tal-Kunsill Ewropew, Herman von Rompuy, ser ikun Malta għal-diskussjonijiet miegħi. 

Il-konsiderazzjonijiet istituzzjonali, il-qagħda ekonomika u finanzjarja, il-qasam tal-impjiegi, il-Programm ta’ Stokkolma, il-Bidla fil-Klima, it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u r-relazzjonijiet esterni kienu fuq l-aġenda tal-Kunsill.  Qed inpoġġi kopja tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill fuq il-Mejda tal-Kamra

Kwistjonijiet Istituzzjonali

It-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru għandu jipprovdi qafas istituzzjonali stabbli lill-Unjoni u hekk din tkun tista’ tikkonċentra bis-sħiħ fuq l-isfidi ta’ quddiemna. Kien hemm qbil li sa April li ġej, il-Baronessa Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli,  biex fi żmien qasir tippreżenta l-proposta dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.  

Il-Gvern Spanjol ippreżenta proposta għall-emenda tat-Trattati fir-rigward tal-miżuri transitorji li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni bil-ħsieb li jeżamina din il-proposta bla dewmien.  Kif inhu magħruf, Malta ser ikollha siġġu ieħor fil-Parlament Ewropew;  b’kollox ser ikun hemm 18-il siġġu ġdid minn fost 12-il pajjiż (Spanja – 4 siġġijiet; Awstrija, Franza and Svezja – 2 siġġijiet kull wieħed; Bulgarija, Italja, Latvija, Malta, Olanda, Polonja, Slovenja u r-Renju Unit – siġġu ġdid kull pajjiż).  

Is-sitwazzjoni ekonomika, finanzjarja u tal-impjiegi

Nistgħu ngħidu li s-sitwazzjoni ekonomika qed tibda turi sinjali ta’ stabbilizzazzjoni. It-tbassir ekonomiku qed jissuġġerixxi rkupru dgħajjef fl-2010, li għandu segwit minn ritorn għal tkabbir aktar qawwi fl-2011. Madanakollu l-inċertezzi u d-dgħufijiet jibqgħu u l-indikazzjonijiet għall-Unjoni Ewropea huma li s-sitwazzjoni tal-impjiegi hi mistennija li tkompli tmur lura fl-2010. Għalhekk il-Kunsill qabel li l-politika ta’ sostenn għall-ekonomija għandha tibqa’ fil-waqt li jiġu żviluppati strateġiji kkoordinati għall-ħruġ mil-linji ta' politika ta' stimolu. 

Madanakollu dan mhux biżżejjed.  L-Unjoni Ewropea bdiet dibattitu dwar l-Istrategija għall-2020. L-Unjoni, u ngħid ukoll pajjiżna, qed tiffaċċja sfidi strutturali importanti. L-istrateġija ta' Lisbona, mnedija għaxar snin ilu, kienet utli fit-tiswir ta' qafas għat-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea u għall-inkoraġġiment ta' riformi strutturali. Issa wasal iż-żmien biex jiġi evalwat l-impatt tal-istrateġija ta' Lisbona u, fuq kollox, biex inħarsu 'l quddiem. Minħabba l-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi ta’ dan l-aħħar, minħabba wkoll l-isfidi maħluqa mir-realtajiet demografiċi, mit-tibdil fil-klima, konsiderazzjonijiet dwar l-enerġija u oħrajn, jinħtieġ li jittieħed approċċ ġdid.  

Sabiex tkompli titjieb il-kompetittività u jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir sostenibbli tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew qabel li l-linji ta' politika (guidelines) għandhom jiġu ffokati mill-ġdid lejn riformi fit-tul fi strateġija ġdida ambizzjuża u ristrutturata. Iż-żmien li jwassal għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa li jmiss għandu jintuża biex jiġu definiti l-elementi ta' tali strateġija għall-UE 2020 u biex jiġi eżaminat kif jiġu żgurati l-finanzi pubbliċi sostenibbli filwaqt li jiġu ppreservati l-investiment u l-ħarsien soċjali, kif jiġu stabbiliti swieq tax-xogħol inklużivi u effiċjenti, kif jissaħħaħ ulterjorment is-suq intern u kif jiġu sfruttati bis-sħiħ il-benefiċċji reċiproċi tal-kummerċ estern u l-ftuħ. Kwistjonijiet importanti oħra li għandhom jiġu eżaminati huma relatata mal-benefiċċji offruti minn ekonomija aktar ekoloġika, it-titjib tal-klima tan-negozji, b'mod partikolari għall-SMEs u l-bażi industrijali, u t-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien fl-ekonomiji tagħhna, inklużi r-riċerka u l-innovazzjoni.  

Dan kollu għandu jsir fil-qafas ta’ żvilupp sostenibbli li jibqa’ objettiv fundamentali tal-Unjoni Ewropea taħt it-Trattat ta' Lisbona. 

Il-Programm ta' Stokkolma - Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini

Il-Kunsill Ewropew adotta il-Programm ta' Stokkolma għas-snin 2010-2014. Il-prijorità għas-snin li ġejjin ser tkun fuq l-interessi u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u ta' persuni oħra li għalihom l-Unjoni Ewropea għandha responsabbiltà fejn jiġi żgurat rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali filwaqt li tiġi garantita s-sigurtà fl-Ewropa. L-infurzar tal-liġi u l-miżuri għas-salvagwardja tad-drittijiet individwali, l-istat tad-dritt u r-regoli ta' protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu koerenti b’mezzi ta' rinforz reċiproku.  Il-prijoritajiet tal-programm ta' Stokkolma huma: il-Promozzjoni taċ-ċittadinanza u tad-drittijiet fundamentali, Ewropa ta' liġi u ġustizzja, Ewropa li tipproteġi, Ewropa ta' responsabbiltà, solidarjetà u sħubija fi kwistjonijiet ta' migrazzjoni u ażil, u  Ewropa bi r-rwol f'dinja globalizzata.

 Matul il-Kunsill, jiena tlabt sabiex fil-minuti tal-Kunsill tidħol dikjarazzjoni dwar stqarrija li Malta għamlet fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern tat-30 ta’ Novembru li għadda dwar l-adozzjoni tal-Programm ta’ Stokkolma.   Din kienet tgħid: 

“DECLARATION BY MALTA

Malta declares that its acceptance of the wording in the first bullet of section 5.1 on the ‘Integrated management of the external borders’ of chapter 5 of the Stockholm programme cannot be interpreted as modifying the Convention on Safety of Life at Sea (SOLAS) and the Search and Rescue Convention (SAR) as they are applied by Malta. 

Malta further declares that it expects the Commission, in putting forward any proposals under the first bullet of section 5.1, to recognise the general difficulties faced by Member States when carrying out operations at sea and the specific difficulties related to identifying persons in need of protection when these are travelling in mixed flows as well as the importance of not proposing procedures that could be abused and thereby undermine the counteraction of illegal immigration and cross-border crime. 

Furthermore, Malta also declares that for the Dublin System to retain moral and legal legitimacy the difficulties being encountered by Member States facing particular pressures need to be reviewed regularly from the perspective of effective solidarity.”

Matul din id-diskussjoni jiena urejt il-konvinzzjoni tiegħi li  European Asylum Support Office li ser jitwaqqaf f’Malta ser jagħti kontribut qawwi għall-iżvilupp tal-politika tal-ażil.  Irringrazzjajt ukoll lil dawk il-pajjiżi li s’issa indikaw li ser jipparteċipaw fil-proġett pilota ta’ rilokazzjoni ta’ persuni li għandhom ħarsien internazzjonali ġewwa Malta fil-waqt li urejt li hemm skop akbar għal solidarjeta` ma’ pajjiżna u ma’ dawn il-persuni.  

Il-konfereza ta' Kopenħagen dwar it-tibdil fil-klima

Il-Kunsill Ewropew qies il-Konferenza ta' Kopenħagen bħala opportunità storika biex il-komunità internazzjonali twieġeb flimkien għall-isfida tat-tibdil fil-klima u fejn li l-Partijiet kollha jiddedikaw lilhom infushom għall-kisba ta' ftehim globali, komprensiv, ambizzjuż u politikament vinkolanti. Ovvjament dan il-ftehim ta' Kopenħagen irid ikun bbażat fuq standards internazzjonali trasparenti u maqbula b'mod komuni għall-kejl, ir-rappurtar u l-verifika, biex b'hekk tiġi żgurata t-trasparenza u l-konformità tal-impenji, l-azzjonijiet u l-appoġġ. 

Tajjeb nerġa’ nfakkar li l-Unjoni Ewropea kienet minn dejjem fuq quddiem tal-isforzi fil-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima. Saħansitra f’dan il-Kunsill, tennejna l-offerta kondizzjonali tagħna għal tnaqqis ta' 30 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, sakemm il-pajjiżi żviluppati oħra jikkommettu ruħhom għal tnaqqis komparabbli fl-emissjonijiet u li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu adegwatament skont ir-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom. Apparti dan l-Unjoni Ewropea kkomettiet l-ammont annwali globali ta' 7 biljun ewro għal dan l-impenn u 2.4 biljun ewro fis-sena għas-snin 2010 sa 2012 bħala finanzjament rapidu. Il-kontribuzzjoni ta’ Malta tkun 800,000 ewro. 

Sfortunatament, kif ser nindaka aktar ‘l quddiem, il-ftehim mixtieq ma ntlaħaqx f’Kopenħagen. 

KONFERENZA DWAR IT-TIBDIL FIL-KLIMA (COP-15)

Bejn is-17 u t-18 tax-xahar li għadda, flimkien mal-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, ħadt sehem fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ġewwa Kopenħagen fid-Danimarka. Mingħajr dubju, din kienet waħda mill-akbar u l-aktar konferenzi importanti ta’ żminijietna. Il-Konferenza laqqgħet eluf ta’ delegati kif ukoll ’l fuq minn 110 Kap ta’ Stat u Gvern bil-għan li jintlaħaq ftehim li jgħin biex jimmitiga dak li qed iwassal għat-tibdil fil-klima. Illum hu rikonoxxut illi l-ġlieda kontra l-impatt tat-tibdil fil-klima hija xi ħaġa li tikkonċerna lill-umanità kollha. Malta ilha li kienet tal-fehma illi t-tibdil fil-klima jeħtieġ tweġiba globali u kien għalhekk, li flimkien mal-istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, stinkat bis-sħiħ sabiex jintlaħaq ftehim internazzjonali.  

B’xorti ħażina, l-hekk imsejjaħ ftehim jew qbil (“accord”) ta’ Kopenħagen li ntlaħaq fl-aħħar tal-konferenza, huwa ‘l bogħod ħafna minn dak li wieħed kien jittama li fil-fatt jintlaħaq.  Ir-riżultati li nkisbu ma jirriflettux it-tamiet kbar li kienet qed tistenna l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-għaqdiet ambjentali internazzjonali.

Għalkemm il-“ftehim” ma jiffissax miri dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet li jorbtu lil kulħadd għal wara l-2012, xorta nsibu elementi pożitivi. L-aktar element importanti tal-ftehim hi r-referenza għall-commitment illi ż-żieda fit-temperatura globali ma tkunx aktar minn 2ºC.  

Il-qbil jispeċifika wkoll li l-pajjiżi żviluppati għandhom jikkomunikaw il-wegħdiet tagħhom dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet jew individwalment jew inkella flimkien sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Dawk il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li minn rgħajhom indikaw li huma lesti li jieħdu miżuri biex itaffu s-sitwazzjoni, għandhom jikkomunikaw minn rajhom dawn il-wegħdiet.           

Bl-istess mod, għalkemm il-ftehim ma jipprovdix pakkett komprensiv ta’ għajnuna finanzjarja għal addattazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi l-aktar vulnerabbli, xorta, skond artiklu 8, jipprovdi pakkett limitat ta’ għajnuna finanzjarja ‘fast-start’ (li tista’ tiġi utilizzata fl-anqas żmien possibli) li tkopri wegħdiet ta’ 30 biljun dollaru biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima sal-2010. 

Il-partijiet kollha konċernati huma marbuta li jkejlu, jirrapportaw u jivverifikaw l-emissjonijiet. Għandu jsir ukoll rappurtaġġ fuq il-pjanijiet nazzjonali ta’ miżuri ta’ mitigażżjoni u b’hekk jinħoloq qafas internazzjonali ta’ trasparenza dwar l-azzjonijiet li jirrigwardaw il-klima sew għall-pajjiżi żviluppati kif ukoll għal dawk li qegħdin jiżviluppaw.

Hawn nixtieq nirrimarka li huwa evidenti li dawn it-tliet riżultati ġew biss bl-insistenza tal-Unjoni Ewropea.

Minkejja r-reazjonijiet negattivi li kien hemm minn diversi pajjiżi wara l-Konferenza wieħed għandu jiftakar illi r-riżultati li wasalna għalihom s’issa kienu frott negozjati twal u intensivi. Ir-riżultat huwa wieħed ta’ kompromess bejn id-diversi pajjiżi li kellhom interessi u ambizzjonijiet differenti. Bla dubju li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kienu ftit minn dawk illi tul in-negozjati għamlu emfasi kontinwu fuq l-importanża illi l-livell ta’ ambizzjoni għall-ftehim li jrid jintlaħaq għandu jkun wieħed għoli.

Ippermettuli illi nikwota s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon, illi wara li gie imħabbar l-Ftehim ta’ Kopenħagen iddikjara, “This (Copenhagen) Accord cannot be everything that everyone hoped for, but it is an essential beginning.”


Il-konferenza ta’ Kopenħagen wittiet it-triq għan-negozjati li ħa jsiru fil-futur. Nisperaw li din il-konferenza titniżżel fl-istorja bħala pass żgħir iżda mportanti fil-vjaġġ twil tal-komunità internazzjonali fil-ġlieda tagħha kontra l-impatt tat-tibdil fil-klima. Jien nemmen illi l-komunità internazzjonali se tagħraf l-isfida tat-tibdil fil-klima u li eventwalment, u ngħid jien f’qasir żmien, tasal għal ftehim internazzjonali. Fil-verità ma hemmx wisq għażla. Il-konsegwenzi illi d-dinja ħa taffaċċja jekk ma jintlaħaqx dan il-ftehim huma koroh wisq. Dan hu twemmin illi aħna nħaddnu flimkien mal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea.  Din il-Konferenza definittivament kienet tagħlima għal kulħadd. Kif qal tajjeb wieħed mill-Prim Ministri Ewropej: “We have experienced a new world order at this Conference”.  Naħseb li jkun tajjeb li l-Unjoni Ewropea tagħraf tibni approaches ġodda f’dan il-kwadru internazzjonali ġdid ħalli jintlaħaq ftehim internazzjonali. 

Hu għalhekk li jien nittama illi l-Unjoni Ewropea tkompli jkollha, kif dejjem kellha, rwol ta’ leader fin-negozjati. Nemmen ukoll illi l-Unjoni Ewropea għandha rwol strumentali sabiex tgħolli l-livell ta’ ambizzjoni fin-negożjati għal ftehim internazzjonali addegwat fil-futur qarib.

Wieħed irid ifakkar li l-Unjoni Ewropea xorta waħda għadha marbuta mal-offerta kondizzjonali tagħha li timxi għall-riduzzjoni ta’ emissjonijiet minn 20% għal 30% sas-sena 2020 meta mqabbla mal-livelli ta’ emissjonijiet fis-sena 1990, sakemm:

  • ikun hemm sforzi kumparabli minn pajjiżi oħra żviluppati; u 
  • il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jagħtu kontribwut adegwat skond il-kapaċitajiet u r-responsabilitajiet tagħhom.

Huwa ċar li mhux biżżejjed li l-pajjiżi li s'issa aċċettaw il-Protokoll ta' Kyoto jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-emissjonijiet. Dawn jikkontribwixxu biss 30% tal-emissjonijiet. Pajjiżi bħal Istati Uniti tal-Amerika,  iċ-Ċina, l-Brażil u pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw jeħtieġ ukoll jagħtu l-kontribut tagħhom.  Inkella l-isforż tal-Unjoni Ewropea jkun għalxejn. Dawn jikkontribwixxu ukoll għal emissjonijiet għalhekk jeħtieg li jnaqqsu huma wkoll. 

L-Unjoni Ewropea intrabtet ukoll illi tagħti €7.2 biljun, jew €2.4 biljun fis-sena bejn l-2010 u l-2012, sabiex jintlaħaq livell adegwat ta’ għajnuna finanzjarja ‘fast-start’. L-Unjoni ntrabtet li tonora il-wegħdiet li kienet għamlet lil pajjiżi l-aktar vulnerabli minkejja r-riżultati diżappuntanti ta' din il-Konferenza.  

Dan il-finanzjament ħa jintuża għal miżuri ta’ addattament f’dawn il-pajjiżi. L-importanża tal-kontribwut tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward isir aktar apparenti meta wieħed iqabblu mal-offerta li għamlet l-Istati Uniti ta’ €2.5 biljun fuq medda ta’ tliet snin.  

Wieħed ma jistax isemmi l-aspetti positivi li ħarġu minn Kopenħagen mingħajr ma jsemmi żvilupp li jolqot lil pajjiżna mill-viċin u li hu bla dubju wieħed importanti. Din kienet id-deċiżjoni addotata mill-Konferenza li tilqa’ il-proposta ta’ Malta sabiex tkun emendata il-United Nations Framework Convention on Climate Change ħalli pajjiżna jissieħeb mal-lista ta’ pajjiżi żviluppati mniżżla fl-Annex I tal-Konvenzjoni. Din il-proposta ta’ Malta kienet sottomessa lin-Nazzjonijiet Uniti f’April tas-sena l-oħra. Il-proposta ta’ Malta hija waħda sui generis,  ibbażata fuq il-fatt li Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea għanda obligazzjonijiet li huma eqwivalenti għal dawk li għandhom il-pajjiżi imniżżla taħt l-Annex I. Huwa għalhekk, illi l-fatt li Malta ħa tkun imniżżla fl-Annex I, ħa tirranġa l-anomalija eżistenti.   Il-fatt li isem pajjiżna issa se jitniżżel fil-lista tal-Anness I bl-ebda mod mhu se jżdiedu l-obbligi li pajjiżna jrid iġorr, aktar minn dak li diġa` qed iġorr bħala membru tal-Unjoni Ewropea. 

Għalkemm kif diġa` għidt ir-riżultat li miskub f’Kopenħagen ma kienx dak mixtieq huwa  importanti nifmhu li x-xogħol preparattiv li sar f’dawn l-aħħar xhur ma kienx għalxejn. Ta’ min ifakkar illi wieħed mill-personaġġi prinċipali f’dawn in-negozjati kien propju l-Ambaxxatur għat-tibdil fil-klima ta’ Malta, Michael Zammit Cutajar, li kien iċ-Chairman tal-Ad hoc Working Group for Long Term Cooperative Action. Ix-xogħol li għamel l-Ambaxxatur u l-kollegi tiegħu fix-xhur ta’ qabel il-Konferenza u waqt il-Konferenza stess kien impreżżabli. Infatti, in-Nazzjonijiet Uniti ġeddet il-mandat tan-negożjaturi u tal-working groups  li ġew stabiliti sabiex jiffaċilitaw in-negożjati u dawn għandhom jirrapurtaw lura lill-Konferenza tal-Partijiet (COP 16) li ħa tiltaqa’ fil-Messiku fl-aħħar ta’ din is-sena.   

Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja l-membri tad-delegazzjoni Maltija li ħadmu bi sħiħ sabiex il-Konferenza tkun suċċess għal Malta. Wieħed japprezza illi r-riżultat milħuq f’Kopenħagen kien frott ta’ xogħol u negozjati kontinwi tul ix-xhur ta’ qabel il-Konferenza stess. Il-Gvern huwa impenjat li Malta tkompli tistinka biex flimkiem mal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, nagħmlu dak kollu possibli sabiex ir-riżultati finali ta’ dawn in-negożjati jkun wieħed illi jindirizza dawn il-problemi li jġib magħha it-tibdil fil-klima b’mod adegwat.  

Mr Speaker, 

Pajjiżna, għalkemm gżira, mhuwiex iżolat u m’għandux ikun hekk.  L-isfidi tagħna, inkluż l-immigrazzjoni illegali, it-tibdil fil-klima, il-qagħda ekonomika u finanzjarja, is-sigurta` tal-enerġija, huma sfidi li qed naqsmu ma’ pajjiżi oħra.  Il-Gvern huwa determinat li dawn l-isfidi jkompli jaffaċċjahom. 

Nawgura li din il-Kamra tkun il-forum fejn flimkien nagħrfu u nifhmu aħjar dak li għaddejjin minnu u flimkien indawru l-isfidi li qed naffaċċjaw f’opportunitajiet sabiex il-poplu tagħna kollu jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow