SEJĦA TA’ €2 MILJUNI F’KO-FINANZJAMENT GĦALL-PROĠETTI MINN KUNSILLI LOKALI GĦAL TITJIB FIL-PRODOTT TURISTIKU LOKALI
Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tinfetaħ sejħa għal proġetti għall-Kunsilli Lokali, b’total ta’ 2 miljun ewro mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) taħt dak li hu msejjaħ Priority Axis 2: Promoting Sustainable Tourism. Dan ħabbruh is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Onor. Mario de Marco u s-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor. Chris Said f’konferenza tal-aħbarijiet fil-pjazza prinċipali tas-Siġġiewi.
Dr de Marco spjega li sabiex il-proġetti jkunu eliġibbli, ma jridux ikunu biss infrastrutturali, imma jrid ikollhom elementi oħra, fosthom ta’ marketing u kif ukoll dak li jgħaqqdu attrazzjonijiet turistiċi oħrajn fl-istess lokalità. Dan qed isir bħala parti mill-miżuri li qed jieħu l-Gvern biex jiżviluppa turiżmu sostenibbli u sabiex jilħaq il-miri tal-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu, fosthom il-ħtieġa tad-diversifikazzjoni tal-prodott, u d-distribuzzjoni aħjar tal-effett tat-turiżmu bejn il-lokalitajiet
Hu spjega li l-għan tas-sejħa huwa dak li nkomplu ntejbu l-lokalitajiet sabiex joffru prodott turistiku aħjar u kif ukoll li nippromwovu l-karatteristiċi awtentiċi u uniċi li għandna fil-lokalitajiet tagħna; fejn dawn il-proġetti jridu jservu, fost l-oħrajn, bħala attrazzjoni kemm għall-Maltin u kif ukoll għall-barranin; biex jipprovdu l-opportunità lill-komunitajiet sabiex jippromwovu l-identità partikolari tal-ibliet u l-irħula tagħhom; biex inkomplu nżidu n-numru ta’ attrazzjonijiet li huma disponibbli għat-turisti; biex noħolqu l-possibbiltà fejn ikun hemm iktar interazzjoni bejn it-turisti u l-Maltin u kif ukoll biex noħolqu aktar possibbiltajiet għall-intrapriżi żgħar u medji (inklużi dawk start-ups) fl-istess lokalitajiet fil-kuntest li nkomplu noffru dejjem aktar prodott u servizz awtentiku.
Huwa temm billi appella lill-Kunsilli Lokali sabiex jieħdu din l-opportunità bis-serjetà sabiex jagħmlu użu minn dawn il-fondi Ewropej u jkunu l-mutur sabiex inkomplu nirriġeneraw il-lokalitajiet u jiggwadanjaw huma u l-komunitajiet tagħhom mill-benefiċċji li ġġib magħha l-industrija turistika.
Dr Said qal li permezz ta’ dawn il-fondi, il-Gvern se jkun qed jassisti lill-Kunsilli Lokali sabiex jaqdu r-rwol tagħhom fil-ħolqien ta’ għarfien aħjar tal-identità tal-lokalità kif ukoll tal-karatteristiċi awtentiċi ta' dik il-lokalità.
Hu sostna li b’dan il-fond il-Gvern qed jafferma r-rwol importanti tal-Kunsilli Lokali fit-tisħiħ tal-pajjiż. Biex ikollna lokalitajiet sostenibbli, il-Kunsilli Lokali ma jistgħux jiffokaw fuq il-bżonnijiet tar-residenti biss imma jridu jħarsu b’lenti iktar wiesa’ – bħall-elementi turistiċi – li fl-aħħar mill-aħħar jkunu qed jgħinu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti nfushom.
Dr Said qal li d-Dipartiment tal-Gvern Lokali flimkien mal-MEUSAC ser jorganizzaw seminar apposta fejn tingħata l-informazzjoni kollha lill-Kunsilli Lokali dwar din l-opportunità, fejn se jkun spjegat fost l-oħrajn li l-proġetti magħżulin igawdu awtomatikamentmill-fond ta' ko-finanzjament għal 80% tal-parti li ma tkunx finanzjata mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li l-Kunsilli Lokali se jkunu qed joħorġu spiża żgħira ħafna mill-fondi tagħhom għall-proġett.
Huwa temm jgħid li flimkien mal-possibilità ta’ fondi għal din is-sejħa, il-Kunsilli Lokali għandhom 24 skema ta’ għajnuniet għal din is-sena, fejn kollha qed jitniedu fil-bidu tas-sena biex il-Kunsilli jkollhom l-opportunità li jaħsbu bil-quddiem għall-proġetti tagħhom.
Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq http://ppcd.gov.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990