XOGĦLIJIET TA’ TOROQ F’MARSALFORN
Il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex jinsab għaddej b’xogħol estensiv fuq numru ta’ toroq fil-lokalità ta’ Marsalforn. Dan ix-xogħol qed isir matul dawn ix-xhur tax-xitwa sabiex kollox ikun lest għas-Sajf meta din il-lokalità ssir waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali tal-gżira Għawdxija u tilqa’ fiha eluf ta’ turisti lokali u barranin. Ix-xogħol li qed iwettaq il-Kunsill Lokali qed isir bl-għajnuna sħiħa tas-Segretarjat Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru permezz ta’ fondi mogħtija lill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ minn waħda mill-iskemi tal-2009.
Waqt żjara li għamel fuq dawn ix-xogħlijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni Chris Said dar diversi toroq li għaddej ix-xogħol fuqhom. Sadanittant is-Sindku taż-Zebbuġ Charles Saliba u l-perit tal-Kunsill Lokali Edward Scerri, taw dettalji dwar it-toroq li ġew miksija bit-tarmak fl-aħħar snin, it-toroq li ngħataw l-ewwel kisja tarmak, jiġifieri l-bajjiet tal-Qbajjar u x-Xwejni u Triq Barda, u dawk li x-xogħol fuqhom għadu kif beda, jiġifieri Triq il-Wied, Triq il-Forn u Triq Santa Marija.
Chris Said semma kif matul il-laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar it-tiġdid tal-kunsilli lokali, l-indafa u l-istat tat-toroq kienu suġġett għall-akbar numru ta’ lmenti mir-residenti. Għalhekk huwa għaqli ħafna li l-kunsilli lokali jagħtu priorità lill-istat tat-toroq speċjalment f’postijiet li mhux biss iservu lir-residenti iżda jilqgħu ukoll numru ta’ turisti. It-turiżmu huwa l-fulkru tal-ekonomija tal-pajjiż u t-toroq jiffurmaw parti importanti mill-prodott ħolistiku tal-bliet u rħula Maltin u Għawdxin.
Chris Said qal li l-Gvern jagħraf l-importanza ta’ dan u għal din is-sena l-allokazzjoni diretta biex il-kunsilli lokali jwettqu xogħlijiet fuq toroq se titla’ għal 5.2 miljun Euro. Dawn il-fondi se jkunu ringfenced sabiex ikun aċċertat li fil-fatt jintefqu fuq it-toroq. Permezz ta’ dan il-fond huwa stamt li matul l-2010 isiru madwar 170 triq residenzjali madwar Malta u Għawdex.
Biex ikompli jinċentiva lill-kunsilli lokali jwettqu xogħlijiet fuq toroq residenzjali, il-Gvern emenda l-liġi tal-kunsilli lokali u introduċa fond ta’ miljun Euro li se jgħin lill-kunsilli jidħlu f’public private partnerships ma’ kuntratturi privati. Permezz ta’ dawn il-public private partnerships il-kuntratturi privati mhux biss iwettqu xogħlijiet fuq toroq residenzjali iżda jibqgħu responsabbli għall-manutenzjoni tagħhom għal għaxar snin.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li huwa maħsub li permezz ta’ dan il-fond il-kunsilli se jwettqu bejn 8 miljun Euro u 10 miljun Euro f’xogħlijiet fuq toroq residenzjali. Dawn ix-xogħlijiet ma jinkludux dak ix-xogħol li se jsir permezz tal-fondi allokati direttament, jiġifieri 5.2 miljun Euro għall-2010.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990